Wednesday, July 24, 2024

Premier Ingliż: Man City u Arsenal iridu jżommu l-pass

Aqra wkoll

Minħabba li għada se tintlagħab il-finali tal-League Cup, is-26 programm tal-Premier League Ingliż se jkun jikkonsisti minn tmien logħbiet li fihom iż-żewġ timijiet fit-tieni u fit-tielet post, Manchester City u Arsenal, jistgħu jersqu lejn il-leaders Liverpool iżda ma jistgħux jilħquhom.

Is-City se jmorru għand Bournemouth li jinsabu tmien punti bogħod miż-żona l-ħamra, għalkemm iċ-Cherries jistgħu jagħtuhom logħba. Iżda t-team ta’ Pep Guardiola għandu munizzjon biżżejjed biex isib goal bħal ma kien il-każ kontra Brentford fl-aħħar ħarġa tagħhom.

Min-naħa ta’ Arsenal huma se jkunu fl-Emirates biex jilqgħu lil Newcastle, team li fl-istaġun li għadda spiċċa mal-ewwel erbgħa. Iżda bħalissa jinsabu ‘l bogħod minn dan meta qed jokkupaw it-tmien post 12-il punt wara r-raba’ team, Aston Villa.

Min-naħa tal-Gunners huma jinsabu ‘feruti’ wara li tilfu l-ewwel leg tal-Aħħar 16 taċ-Champions League kontra Porto u jekk ma jdawrux ir-riżultat jinqalgħu mill-Ewropa. Iżda huma jinsabu f’forma kbira meta huma l-uniku team li rebaħ l-aħħar ħames logħbiet fil-kampjonat.

Aston Villa se jkunu f’Villa Park biex jilqgħu lil Nottingham Forest fejn xejn inqas minn rebħa m’hija tajba għalihom minħabba t-theddida minn Manchester United fl-isfida tagħhom għall-kwalifikazzjoni taċ-Cham­pions League. 

Il-United se jkunu f’Old Trafford kontra Fulham, team li jinsab trankwill f’nofs il-klassifika, disa’ punti aħjar mit-tielet team mill-aħħar għalkemm ir-Red Devils ġejjin minn sensiela ta’ draw u erba’ rebħiet.

Brighton se jilqgħu lil Everton meta dawn jinsabu barra mill-aħħar tlieta bid-differenza tal-goals. Is-Seasiders ġejjin minn żewġ reb­ħiet u draw waqt li t-Toffeemen ħadu erba’ draws.

Logħba bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika hija dik bejn Crystal Palace u Burnley b’tal-ewwel se jkunu taħt il-manager il-ġdid, l-Awstrijak Oliver Glasner, li ħa post Roy Hodgson li rtira minħabba saħħtu.

L-unika logħba ta’ għada hija dik f’Molineux li fiha Wolves jiltaqgħu ma’ Sheffield United li qed jokkupaw l-aħħar post. Dawn rebħu l-logħba tal-ewwel round 2-1 f’darhom u għahekk Wolves iridu joqogħdu attenti minn żelqa oħra.

Nhar it-Tnejn issir l-aħħar logħba li hija d-derby ta’ Londra bejn West Ham u Brentford. It-tnejn ma jinsabux f’forma tajba, fejn il-Hammers ħadu żewġ punti mill-aħħar ħames logħbiet u l-Bees wieħed iktar minnhom.

Ekonomija

Sport