Wednesday, July 24, 2024

Serie A: Il-leaders Inter m’għandhomx ifallu kontra Lecce

Aqra wkoll

Ixxamplati fil-quċċata tas- Serie A meta għandhom vantaġġ ta’ disa’ punti b’partita inqas, il-leaders Inter għandhom logħba meqjusa faċli meta fis-26 ġurnata jmorru jilagħbu għand Lecce filwaqt li Juventus, li jinsabu fit-tieni post, jilq­għu lil Frosinone. 

Lecce v Inter – Inter, li għaddejjin  minn mument maġiku, mistennija li jkomplu bis-sensiela pożittiva ta’ rebħ meta, barra minn darhom, jaffrontaw lil Lecce. 

In-Nerazzurri bħal donnhom li ħadd ma jista’ jwaqqafhom hekk kif f’din is-sena kalendarja kisbu sitt rebħiet minn daqstant partiti fil-kampjonat, rebħu s- Super Cup Taljana bl-iskor ta’ 1-0 fuq Napoli,  kif ukoll għelbu lil Atletico Madrid bl-iskor ta’ 1-0 valida mill- ewwel leg tal-Aħħar 16 tal- UEFA Champions League. 

Dan ifisser li l-Interisti litteralment insew kif jitilfu. Il-fatt li huma qed jiġru bil-kampjonat jagħmel lit-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, wieħed mill-aktar timijiet b’saħħit­hom fl-Ewropa fil-preżent.

L-għan ewlieni ta’ Lecce huwa li jevitaw ir-relegaz­zjoni hekk kif bħalissa jinsabu erba’ punti biss ‘il bo­għod miż-żona l-ħamra. 

Bla dubju, huma jinsabu konxji li se tkun missjoni impossibbli iżda l-football huwa tant imprevidibbli li kollox jista’ jseħħ. 

Inter għandhom barra lil Francesco Acerbi u Juan Cuadrado filwaqt li Lecce ma jistgħux jinkludu lil Lameck Banda, Federico Brancolini u Kastriot Dermaku minħabba li kollha hu­ma mweġġgħin.

Juventus v Frosinone – Anke jekk huwa tard wisq, Juventus iridu jirritornaw għar-rebħ meta jospitaw lil Frosinone li jinsabu fil-15-il post u mhedda bl-inkwiet tar-relegazzjoni. 

Fil-veritá, il-Bianconeri għaddejjin minn kriżi min­ħabba li f’dawn l-aħħar erba’ partiti kisbu biss żewġ punti biex ċedew l-inizjattiva lil Inter u għaldaqstant huwa biss miraklu biex in-Nerazzuri jitilfu r-rebħ tal-Iscudetto. 

Telfa għal Juventus tagħ­mel it-triq aktar faċli għal Inter biex jirbħu l-kampjonat aktar kmieni milli kien imbassar.  

Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizz ta’ Danilo, Mattia Perin, Moise Kean u Mattia de Sciglio filwaqt li Frosinone għandhom neqsin li Fares Ghedjemis, Mateus Lusardi, Ke­vin Bonifazi, Marvin Cuni, Anthony Oyono, Riccardo Marchizza u Sergio Kalaj … kollha minħabba li qed jirkupraw minn injury. 

Milan v Atalanta – Milan għandhom konfront dirett kontra Atalanta li qed jissieltu għal post mal-ewwel erbgħa. 

Jekk il-Bergamaschi jo­ħorġu rebbieħa huma jnaq­qsu d-distakk għal erba’ punti fil-konfront ta’ Milan bil-possibbiltá li saħansitra jisfidaw ukoll għat-tielet post.

Davide Calabria, Fikayo Tomori, Tommaso Pobega u Pierre Kalulu huma neqsin għal Milan filwaqt li Atalanta għandhom barra lil Ademola Lookman u Jose Luis Palomino li qed jir­kupraw minn injury.

Ekonomija

Sport