Fis-Serie A, tintlagħab l- 24 ġurnata hekk kif proprju din il-ġimgħa l-kampjonat ħa żvolta oħra bit-telfa ta’ Inter kontra Fiorentina bl-iskor ta’ 3-0.
Dan ifisser li issa huma rkupraw il-partita li kellhom nieqsa, li iżda, ħarġu b’idejhom vojta biex Napoli qed igawdu tliet punti vantaġġ fl-ewwel pożizzjoni.
Napoli v Udinese – Napoli jilqgħu lil Udinese u jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti biex isaħħu l-quċċata tal-klassifika.
Il-coach, Antonio Conte, jinsab ferm kuntent bil-mod ta’ kif il-players tiegħu qed jirrispondu għat-tattika tiegħu.
Minkejja li fl-aħħar ħarġa tagħhom ġew miżmuma 1-1 minn Roma, il-Partenopei xorta waħda għandhom il- potenzjal biex jibqgħu jisfidaw sal-aħħar għar-rebħ tal-Iscudetto.
Fil-veritá, huma se jilagħbu kontra team li ma għandu l-ebda pressjoni fuqu minħabba li jinsab ixxamplat f’nofs il-klassifika, ‘il bogħod mill-periklu tar-relegazzjoni.
Iżda Napoli xorta waħda jridu juru rispett lejn l-avversarji tagħhom li jimmiraw li joħolqu s-sorpriża ta’ tmiem il-ġimgħa.
Conte se jkollu nieqes biss lil Mathias Oliveira filwaqt li Udinese għandhom barra lis-sospiż Jesper Karlstom u lill-imweġġgħin Kingsley Ehizibue, Keinan Davis, Lautaro Gianetti u Maduya Okoye.
Empoli v Milan – Friski mir-rebħa ta’ 3-1 fuq Roma fil-kwarti-finali tal-Coppa Italia, Milan imorru għand Empoli fejn jimmiraw li jkomplu għaddejjin bis-sensiela pożittiva.
Jidher li l-akkwisti l-ġodda li għamlu fis-suq ta’ Jannar se jħallu l-impatt mixtieq minħabba li r- Rossoneri jidhru team trasformat … fejn wieħed minnhom, Joao Felix, saħansitra skorja kontra Roma.
Iżda l-coach, Sergio Conceicao, se jkollu jgħaddi mingħajr bosta players – is-sospiżi Youssouf Fofana u Yacine Adli u l-imweġġgħin Pierre Kalulu, Ruben Loftus-Cheek, Emerson Royal, Warren Bondo u Alessandro Florenzi.
Inter v Fiorentina – Fi spazju ta’ erbat ijiem, Inter u Fiorentina se jerġgħu jiltaqgħu wara li nhar il-Ħamis li għadda, kompliet tintlagħab il-partita li ġiet sospiża, fl-1 ta’ Diċembru, wara li ħassu ħażin il-midfielder tal-Viola, Edoardo Bove.
Bla dubju, in-Nerazzurri jridu jagħrfu kif jirriorganizzaw lilhom infushom wara t-telfa ta’ 3-0, fit-tentattiv li jżommu l-pass mal- leaders Napoli.
Hija prijoritá għalihom li jiksbu t-tliet punti minħabba li Atalanta, li jinsabu fit-tielet post, jistgħu jersqu aktar lejhom.