It-33 ġurnata tas-Serie A, tista’ tkun ġurnata speċjali hekk kif Inter jiġu dikjarati champions jekk nhar it-Tnejn jegħlbu lil Milan.
Partita oħra interessanti hija dik bejn Cagliari u Juventus hekk kif dawn tal-aħħar jimmiraw li jżommu t-tielet pożizzjoni.
Is-sorpriża ta’ dan l-istaġun, Bologna jilagħbu f’konfront dirett kontra Roma għall-kisba tar-raba’ post li jfisser biljett għall- UEFA Champions League.
Milan v Inter – Wara li ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 f’darhom kontra Cagliari, Inter jilagħbu fid- Derby Della Madonnina, meta jaffrotnaw lir-rivali eterni Milan, fi Stadio San Siro.
It-team immexxi mill-coach Simone Inzaghi għandu vantaġġ ta’ 14-il punt fil-quċċata tal-klassifika fuq l-istess Rossoneri u għaldaqstant rebħa tkun iċ-ċirasa fuq il-kejk fejn jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħ tat-titlu.
Dan se jkun il-180 derby bejn iż-żewġ timijiet fejn fil-179 preċedenti, Milan rebħu 54 filwaqt li Inter rebħu 69. Barra minn hekk ir-Rossoneri skorjaw 230 goals filwaqt li n-Nerazzurri skorjaw 256.
Milan ġejjin minn draw diżappuntanti ta’ 3-3 kontra Sassuolo li jinsabu fit-tieni post mill-aħħar u viċin li jitilfu posthom mal-kbar.
Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Malick Thiaw u l-imweġġgħin Simon Kjaer, Pierre Kalulu, Alex Jimenez u Tommaso Pobega.
Min-naħa l-oħra, l-InteristI għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni.
Roma v Bologna – F’partita diretta, Roma jospitaw lil Bologna fit-taqtiegħa għar-raba’ post.
Bħalissa Bologna qed igawdu din il-pożizzjoni b’vantaġġ ta’ erba’ punti fuq l-istess Roma.
Għaldaqstant, il-pressjoni tinsab kollha fuq Roma minħabba li rebħa biss tibqa’ tittamahom li staġun ieħor jilagħbu fl-aqwa kompetizzjoni Ewropea.
Peró, il-fatt li se jilagħbu f’darhom, jibdew b’vantaġġ psikoloġiku.
Min-naħa l-oħra, rebħa għal Bologna tkun tfisser li t-team immexxi mill-coach, Thiago Motta, jibqa’ fit-triq it-tajba biex jikteb l-istorja biex jikkompeti mat-timijiet elite tal-Ewropa.
Roma għandhom neqsin lil Evan Ndicka u Sardar Azmoun filwaqt li Bologna ma jistgħux jinkludu lil Lewis Ferguson, Jens Odgard u Adama Soumaouro … kollha mweġġgħin.
Cagliari v Juventus – Juventus imorru Sardinja biex jilagħbu kontra Cagliari li jinsabu fin-naħa t’isfel tal- klassifika u prattikament maqbuda wkoll fit-taqtiegħa għas-salvazzjoni.
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn draw – Cagliari bl-iskor ta’ 2-2 għand Inter filwaqt li Juventus iddiżappuntaw fi draw ta’ mingħajr goals kontra Torino.
Il-Bianconeri għandhom neqsin lill-imweġġa’ Arkadiusz Milik filwaqt li Nicolo Fagioli huwa sospiż.
Min-naħa l-oħra, Leonardo Pavoletti, Marco Mancosu u Marko Rog huma neqsin għal Cagliari.