Iċ-champions Taljani, Inter, bdew id-difiża tat-titlu b’diżappunt kbir meta marru għand Genoa u ġew miżmuma fid-draw ta’ 2-2, b’dawn tal-aħħar jiskorjaw b’mod drammatiku fil-ħin miżjud.
Il-protagonista ta’ Inter kien Marcus Thuram (30, 85) li skorja doppjetta wara li Alessandro Vogliacco (20) fetaħ l-iskor għat-team ospitu. U meta kollox deher li n-Nerazzurri kienu resqin lejn ir-rebħa, Junior Messais (95) kiseb id-draw għal Genoa minn rebound wara li l-goalkeeper Yann Sommer laqa’ parzjalment il-penalty tiegħu.
Anke Parma u Fiorentina temmew fi draw, din id-darba ta’ 1-1. Dennis Man (22) fetaħ l-iskor għal Parma iżda Cristiano Biraghi (75) kiseb id-draw għall-Viola.