Wednesday, July 24, 2024

Serie A: Inter u Juventus għandhom partiti faċli

Aqra wkoll

Meta tintlagħab l-aħħar ġurnata ta’ tmiem l- ewwel round tas-Serie A, il-leaders Inter u Juventus li jinsabu żewġ punti taħt­hom, m’għandhomx ifallu hekk kif jilagħbu kontra Verona u Salernitana rispettivament.   

Inter v Verona – Inter jimmiraw li jirritornaw għar- rebħ meta jospitaw lil Verona li jinsabu fis-17-il post tal-klassifika u fil-periklu li jitilfu posthom mal-kbar. 

Fl-aħħar ħarġa tagħhom, in-Nerazzurri ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Genoa liema partita jridu jinsew kemm jista’ jkun malajr minħabba li ma kie­nux fl-aqwa tagħhom fejn ħassew in-nuqqas ta’ Lautaro Martinez li qed jirkupra minn injury. 

Dan ir-riżultat ippermetta lil Juventus biex inaqqsu d-distakk għal żewġ punti f’ras il-klassifika. 

Peró, l-aħbar it-tajba għal Inter hija li ż-żewġ players, Martinez u Federico Dimarco mistennija li jkunu fil-formazzjoni inizjali wara li l-Erbgħa u l-Ħamis niżlu għat-taħriġ b’mod regolari. 

Madankollu, Juan Cuadrado jibqa’ barra mill-az­zjoni minħabba li jinsab imweġġa’.

Salernitana v Juventus – Juventus għandhom impenn mhux daqstant diffiċli  meta jmorru jilagħbu għand Salernitana li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika. 

Din se tkun ripetizzjoni tal-logħba ta’ nhar il-Ħamis li għadda meta Juventus laqgħu lill-istess Salernitana fir-round tal-Aħħar 16 tal-Coppa Italia u għelbuhom b’mod faċli bl-iskor ta’ 6-1. 

L-objettiv tat-team immexxi mill-coach, Massimi­liano Allegri, huwa li jibqa’ jżomm il-pass ma’ Inter fejn iż-żewġ timijiet bħal donnhom qed jinqatgħu għalihom.

Il-Bianconeri ma jistgħux jinkludu lil Alex Sandro, Moise Kean u Mattia de Sciglio li huma mweġġgħin, b’Manuel Locatelli huwa sos­piż.  

Min-naħa ta’ Salernitana se jkollhom jgħaddu mingħajr Lorenzo Pirola, Boulaye Dia u Guillhermo Okoca, għall-istess raġuni. 

Empoli v Milan – Milan imorru għand Empoli f’dik li hija meqjusa bħala partita delikata … għall-fatt li minkejja li Empoli jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar, ir-Rossoneri xejn ma huma konsistenti. 

Il-pressjoni tinsab fuq il-coach, Stefano Pioli, hekk kif il-Milanisti jinsabu fit- tielet post … iżda distakkati b’disa’ punti mir-rivali eterni, Inter.

Għaldaqstant, rebħa hija mperattiva biex ma jintlaħqux minn Fiorentina li jinsabu fir-raba’ post.  

Milan għandhom barra lil Samuel Chukwueze u Ismael Bennacer li huma sospiżi filwaqt li Pierre Kalulu, Marco Sportiello, Yunus Musah u Malick Thiaw qed jirkupraw minn injury. 

Torino v Napoli – Torino jilqgħu lil Napoli li bħalissa xejn ma huma sejrin taj­jeb wara telfa ta’ 2-0 kontra Roma u d-draw ta’ 0-0 kontra Monza.

Huwa mportanti li jo­ħorġu bit-tliet punti minn Turin minħabba l-biżgħa li jistgħu jiġu eliminati minn xi kompetizzjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport