Meta tintlagħab it-tmien ġurnata tal-Kampjonat Taljan, l-attenzjoni prinċipali ddur fuq il-coach Portugiż ta’ Roma, José Mourinho, li se jiffaċċja lill-eks team tiegħu Inter li magħhom rebaħ it-Treble fl-2010.
Inter v Roma – Roma imorru għand Inter b’interess partikolari fejn il-coach José Mourinho jippjana kif se jegħleb lin-Nerazzurri li bejn l-2008 u l-2010 rebaħ kollox magħhom.
Iż-żewġ timijiet jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta fl-aħħar ħarġa tagħhom Roma sfaw megħluba f’darhom minn Atalanta 1-0 filwaqt li Inter ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 3-1 kontra Udinese.
Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players li qed jirkupraw minn injury. Għal Roma hemm Lorenzo Pellegrini, Rick Kalsdorp, Ebrima Dabroe u Georginio Wijnaldum filwaqt li għal Inter hemm Hakan Calhanoglu, Romelu Lukaku u Marcelo Brozovic b’dan tal-aħħar ikun sospiż.
Napoli v Torino – Il-ko-leaders Napoli jimmiraw li jkomplu għaddejjin bis-sensiela ta’ riżultati pożittivi meta jilqgħu lil Torino.
It-team immexxi minn Luciano Spalletti qed ikun eċċezzjonali fil-logħob tiegħu hekk kif, flimkien ma’ Atalanta, għadu mingħajr telfa.
Min-naħa tagħhom, Torino qed ikollhom kampjonat sodisfaċenti hekk kif irreġistraw għaxar punti minn seba’ logħbiet u jinsabu f’nofs il-klassifika.
Napoli se jkunu mingħajr Matteo Politano u Victor Osimhen filwaqt li Torino għandhom erba’ players neqsin li huma Pietro Pellegri, Mergim Vojvoda, Samuele Ricci u Alexey Miranchuk.
Atalanta v Fiorentina – It-team sorpriża ta’ dan l- istaġun, Atalanta, jilqa’ lil Fiorentina.
It-team immexxi minn Giampiero Gasperini jinsab jaqsam l-ewwel post tal- klassifika ma’ Napoli.
Ispirati mill-midfielder Olandiż, Teun Koopmeiners, il-Bergamaschi qed iwarrbu għal kollox l-isfida tal-avversarji biex kisbu r- rispett u qed jitqiesu bħala sfidanti denji għar-rebħ tat-titlu.
Min-naħa tagħhom, Fiorentina kien mistenni ħafna aktar minnhom hekk kif jinsabu f’nofs il-klassifika.
Huma għandhom bosta players imweġġgħin fosthom lil Sofyan Amrabat, Dodo, Nikola Milenkovic, Gaetano Castrovilli u Pierluigi Gollini.
Min-naħa tagħhom, Atalanta se jkollhom jgħaddu mingħajr Juan Musso, Duvan Zapata u Berat Djimsiti.
Juventus v Bologna – Wara t-telfa ta’ 1-0 kontra Monza, Juventus ma jistgħux ifallu meta jospitaw lil Bologna.
Bħalissa l-Bianconeri jinsabu fi kriżi u jridu jagħrfu kif jirriorganizzaw lilhom infushom meta jinsabu fit-tmien post bil-biżgħa li jistgħu jitilfu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq. Barra minn hekk huma jinsabu distakkati b’seba’ punti mil-leaders.
Huma għandhom lista ta’ players imweġġgħin, b’Angel Di Maria huwa sospiż.