It-22 ġurnata tas-Serie A se tippreżenta programm sħiħ wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda, tmien timijiet ma kienux fl-azzjoni minħabba li ntlagħbet is-Super Cup Taljana, fl- Arabja Sawdija, li ntrebħet minn Inter.
Iżda filwaqt li n-Nerazzurri kienu qed jiċċelebraw dan is-suċċess, huma nqabżu minn Juventus fl- ewwel post tal-klassifika b’dawn tal-aħħar lagħbu partita aktar.
U proprju l-Bianconeri jistgħu jkabbru l-vantaġġ meta huma jilqgħu lil Empoli filwaqt li Inter imorru jilagħbu għand Fiorentina.
Juventus v Empoli – Juventus huma favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra Empoli, li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar, biex jibqgħu fil-quċċata u jixtħu l-pressjoni fuq Inter.
Il-coach, Massimiliano Allegri, bħal donnu qed jgħaqqad in-nukleu Juventin fil-mument opportun, bl-arma letali tiegħu jkun l-attakkant Serb, Dusan Vlahovic, li s’issa skorja 11-il goal.
Player ieħor li qed jattira l-attenzjoni huwa ż-żgħażugħ Tork, Kenan Yildiz, li bosta clubs madwar l-Ewropa qed jiġru wara l-firma tiegħu.
Min-naħa ta’ Empoli, jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq Monza. Iżda wieħed jistaqsi kemm se jkunu kapaċi jwaqqfu l-furja Juventina.
Dawn tal-aħħar se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-imweġġgħin, Adrien Rabiot, Federico Chiesa, Moise Kean u Mattia de Sciglio.
Fiorentina v Inter – Inter imorru fi Stadio Artemio Franchi meta jaffrontaw lil Fiorentina f’dik li hija meqjusa bħala partita diffiċli.
Fil-veritá, in-Nerazzurri ma tantx għandhom rekord tajjeb f’dan l-istadium minħabba li rebħu biss 21 darba minn 85 partita.
Taħt il-gwida tal-coach, Vincenzo Italiano, Fiorentina għaddejjin minn forma tajba hekk kif jinsabu fir-raba’ post li jfisser biljett għall-UEFA Champions League.
Il-Viola ma jistgħux jutilizzaw lis-sospiż Cristiano Biraghi u lill-imweġġħin Dodo u Gaetano Castrovilli.
Min-naħa l-oħra, Inter għandhom sospiż lil Hakan Calhanoglu filwaqt li Alessandro Bastoni u Juan Cuadrado qed jirkupraw minn injury.
Lazio v Napoli– Din hija partita bejn żewġ timijiet li ġejjin mis-Super Cup Taljana, fejn iddiżappuntaw bil-kbir. Fil-fatt, huma tilfu kontra Inter bl-iskor identiku ta’ 3-0 … Lazio fis-semi-finali u Napoli fil-finali.
Iż-żewġ naħat ma jaffordjawx jitilfu l-punti speċjalment Napoli li jinsabu fid-disa’ post tal-klassifika, li iżda, xorta waħda għadhom biċ-ċans li jisfidaw għal post fil-UEFA Champions League minħabba li jinsabu distakkati bi tliet punti biss fil-konfront ta’ Fiorentina li jinsabu fir-raba’ post.
In-Naplitani għandhom neqsin lil Victor Osimhen u Andre Anguissa li qed jilagħbu fl-AFCON, b’Alex Meret u Natan Souza jinsabu mweġġgħin.
Lazio għandhom barra lil Ciro Immobile u Mattia Zaccagni li jinsabu sospiżi.