Monday, May 13, 2024

Kampjonat Premier: Jingħata bidu għat-tieni round

Aqra wkoll

Illum jingħata bidu għat-tieni round tal-BOV Kampjonat Premier fejn l-at­tenzjoni tkun mixħuta fuq il-leaders Hamrun Spartans għal diversi raġunijiet, kemm fil-ground kif ukoll barra minnu.

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda huma qabżu waħedhom fil-quċċata tal-klassiika b’rebħa ta’ 1-0 fuq Hiber­nians, li iżda, dawn tal-aħħar ressqu appell minħabba player ineliġibbli. L-Ispartans se jilagħbu kontra Balzan.

L-aqwa partita ta’ dan il-programm hija dik bejn Sliema Wanderers u Birkirkara filwaqt li Floriana għandhom logħba delikata kontra Sta Lucia. 

Marsaxlokk jiffaċċjaw lil Naxxar Lions li huma s-sorpriża ta’ dan l-istaġun filwaqt li Hibernians jiltaqgħu ma’ Gzira United li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Imbagħad hemm żewġ konfronti meqjusa diretti bejn erba’ timijiet li qed jissieltu biex isalvaw posthom. 

Iż-żewġ logħbiet huma Sirens v Valletta u Gudja United v Mosta. 

Balzan v Hamrun S. – Hamrun Spartans jimmiraw li jkomplu bis-sensiela po­żittiva meta jiltaqgħu kontra Balzan.

Peró, din il-partita se tintlagħab fid-dell ta’ appell li se jinstema’ nhar il-Ħamis li ġej. 

L-appell tressaq minn Hibernians wara t-telfa ta’ 2-1 fejn stqarrew li l-Ispartans għamlu użu mill-player Spanjol, Christian Rutjens … daħal bħala sostitut fit-78 minuta fil-post ta’ Luke Montebello … li dan suppost irid jiskonta sospensjoni ta’ żewġ logħbiet. 

Dan il-każ imur lura, f’Diċembru 2022 meta kien player ta’ Floriana u tkeċċa kontra l-istess Hibernians li dawn tal-aħħar rebħu bl-iskor ta’ 1-0. 

Rutjens skonta l-ew­wel partita, dik kontra Pietá Hotspurs, iżda mbagħad telaq lil Floriana u mar jilgħab fis-Serie C ma’ Foggia.

Il-Pawlisti qed isostnu li huwa ma kellu jilgħab għax dawn iż-żewġ logħbiet ma skontahomx lanqas meta kien ma’ Foggia.  Nistennew u naraw.   

Fl-ewwel round, Hamrun kienu għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 1-0. 

Sliema W. v Birkirkara– Dan huwa konfornt mill-aktar interessanti għall-fatt li filwaqt li Sliema Wanderers ġejjin minn ħames reb­ħiet, Birkirkara kisbu ħames pun­ti inqas minn daqstant partiti.

Il-Karkariżi ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Sta Lucia u xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħ­hom.   

Min-naħa tagħhom, il- Wanderers jimmiraw li jpattu għat-telfa tal-ew­wel round meta l-Karkariżi ħarġu rebbieħa 1-0. 

Rebħa għall-Blues issaħ­ħilhom it-tielet post u jistgħu jaqbżu fit-tieni post jekk Floriana jiġu megħluba.

Min-naħa tagħhom, l-Istripes se jkunu msaħħa bir- ritorn ta’ Paul Mbong minn sospensjoni.

Floriana v Sta Lucia – Floriana jridu jinsew id-diżappunt taż-żewġ tel­fiet preċedenti u jirriorga­nizzaw kontra Sta Lucia li ironikament ġejjin minn żewġ rebħiet. 

Filwaqt li l-Furjaniżi qed jisfidaw għar-rebħ tat-titlu, il-Luċjani qed jissieltu għas-salvazzjoni. 

Iżda wieħed jistaqsi jekk dawn iż-żewġ telfiet ta’ Floriana – kontra Hamrun Spartans u Gzira United bl-iskor identiku ta’ 1-0 – humiex skoss jew inkella bidu ta’ kol­lass. 

Fil-veritá ma jistgħux isofru t-tielet telfa konsekut­tiva minħabba li jħottu dak li bnew matul l-ew­wel round, jiġġarraf kollox … u jagħtu ċ-ċans lis-Slimiżi biex jaqbżuhom.

Fl-ewwel round, Floriana ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0.   

Hibernians v Gzira U.– Hibernians, li ġejjin minn telfa kontra Hamrun Spartans, se jiffaċċjaw lil Gzira United li minkejja li jinsabu fuq iż-żona tar-relegazzoni, bla dubju,  jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Floriana wara erba’ telfiet. 

Rebħa tkun tfisser tama ġdida biex jilħqu l-objettivi tagħhom biex jissiġillaw posthom fl-ogħla diviżjoni.

Kull team għandu player sospiż – Alex Bruno da Souza Silva għal Hibernians u Thaylor Aldama għal Gzira. 

Għall-Pawlisti jirritorna Ferdinando Apap minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round huma għelbu lill-Gżirjani 4-0.

Naxxar L. v Marsaxlokk – Teżisti possibbiltá kbira li Naxxar Lions jaqbżu waħedhom fir-raba’ post tal-klassifika jekk huma jegħlbu lil Marsaxlokk u Birkirkara jitilfu kontra Sliema Wanderers. 

Bħalissa l-Lions jinsabu wara dawn iż-żewġ timijiet u bil-konsistenza li qed juru fil-logħob tagħhom ma tkun l-ebda sorpriża li jista’ jseħħ dan. 

Mindu sfaw megħluba fl-ewwel round bl-iskor ta’ 5-0 minn Marsaxlokk, Nax­xar huma team trasformat u jistgħu jisfidaw għal post fiż-żona Ewropea.

Iżda huma għandhom lil Pablo Carvalho sospiż.

Sirens v Valletta – Din hi­ja partita diretta bejn żewġ timijiet li qed jiġġieldu kon­tra r-relegazzjoni u ħadd minnhom ma jaffordja li joħroġ b’idu vojta, l-aktar il-Pawlini li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika. 

Huma se jkollhom lura lil Prosper Boakye Owusu minn sospensjoni.

Fl-ewwel round Valletta rebħu lil Sirens 2-0. 

Gudja U. v Mosta – Ix-xenarju bejn dawn iż-żewġ timijiet huwa wieħed negattiv meta jinsabu fiż-żona l-ħamra fejn il-Mostin qed      igawdu vantaġġ ta’ sitt punti fuq il-Gudjani. 

Rebħa għal dawn tal-aħħar, li għandhom lil Ricardo Fernando sospiż, tif­taħ beraħ il-ġlieda għas-salvaz­zjoni. 

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw 0-0.

Sport