Wednesday, July 24, 2024

Serie A: L-attenzjoni fl-Olimpico bejn Roma u Lazio

Aqra wkoll

Meta tintlagħab il-31 ġurnata tas-Serie A, il-leaders, Inter,  mistennija jkomplu għaddejjin bis-sen­siela ta’ rebħiet hekk kif jonqos­hom 11-il punt biex jirbħu t-titlu. Huma jmorru għand Udinese li jinsabu f’pożizzjoni prekarja. 

Iżda l-aktar partita li se tiġbed attenzjoni hija d-derby tal-kapitali bejn Roma u Lazio fejn qed jissieltu biex jiksbu post fil-kompetiz­zjo­nijiet Ewropej.

Milan, li jidher li se jis­piċċaw fit-tieni post jilqgħu lil Lecce filwaqt li Juventus u Bologna li qed jiġġieldu għat-tielet post, jaffrontaw lil Fiorentina u lil Frosinone rispettivament. 

Roma v Lazio – Dan huwa l-160 derby  Ruman  tal-kam­­pjonat, bil-pressjoni tkun fuq Lazio minħabba li jinsabu fis-seba’ post … u għandhom ħames punti inqas minn Roma li jinsabu fil-ħames pożizzjoni.

Dawn tal-aħħar kienu trasformati mindu ħa t-tmexxija Daniel De Rossi f’Jannar li għadda u issa jinsabu żewġ punti biss ‘il bogħod miż-żona tal-UEFA Champions League.

Mhux l-istess jista’ jin­għad għal Lazio li fix-xahar li għadda tilfu s-servizzi tal-coach Maurizio Sarri li rriżenja mill-kariga bi qbil reċiproku u bħalissa jinsabu taħt il-gwida ta’ Igor Tudor li għad irid jidra l-am­bjent Lazjali.

Huma ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Juventus fl- ewwel leg tas-semi-finali tal-Coppa Italia u għal­daqstant jinsabu b’moral baxx.

Interessanti se jkun id-dwell bejn iż-żewġ skorers prolifiċi Romelu Lukaku għal Roma u Ciro Immobile għal Lazio.

Fil-159 partiti preċedenti, Roma rebħu 56 filwaqt li La­zio rebħu 42.

Roma għandhom neqsin lis-sospiż Evan Ndicka u lill-imweġġħin Sardar Azmoun u Nissen Kristensen filwaqt li Lazio ma jistgħux jinkludu lil Manuel Lazzari, Ivan Provedel u Nicolo Rovella għall-istess raġuni.

Udinese v Inter – Inter jinsabu ferm viċin li jirbħu l-20 kampjonat tagħhom fl-istorja u għaldaqstant imor­ru għand Udinese kunfidenti u b’moral għoli. 

Udinese jimmiraw għal rebħa minħabba li għadhom ma serrħux rashom mir-relegazzjoni. Huma ġej­jin minn draw ta’ 1-1 kontra Sassuolo fejn fallew żewġ punti importanti.

Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players imweġ­ġgħin – Stefan De Vrij, Mar­ko Arnautovic u Juan Cuad­rado  għal Inter u Vi­valdo, Enzo Ebosse u Gerard Delofeu għal Udinese.

Milan v Lecce – Milan jibdew favoriti meta jilqgħu lil Lecce li jistgħu jkunu fil-periklu tar-relegazzjoni.

Ir-Rossoneri ma jistgħux jinkludu lil Simon Kjaer, Pierre Kalulu, Alex Jimenez u Tomaso Pobega, b’Lecce għandhom barra li Moha­med Kaba u Kastriot Derma­ku għax imweġġgħin. 

Juventus v Fiorentina – Din għandha tkun partita ferm bilanċjata bejn iż-żewġ timijiet li rebħu l-ewwel leg tas-semi-finali tal- Coppa Italia fejn din il-logħba tista’ tkun il-pre­ludju għall-finali. 

Ekonomija

Sport