Saturday, April 27, 2024

Serie A: Milan v Juventus “tisraq” l-attenzjoni

Aqra wkoll

Meta tintlagħab it-23 ġurnata tal-kampjonat Taljan, l-aktar partita attraenti, bla dubju, hija dik bejn Milan u Juventus filwaqt li l-leaders Inter jil­qgħu f’darhom lil Venezia li fuq il-karta jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti.

AC Milan v Juventus

Juventus jittamaw li jkomplu għaddejjin bis-sensiela ta’ riżultati pożittivi għalkemm quddiemu għandu skoll jismu AC Milan. Dawn tal-aħħar għadhom ferm irrabbjati għal dak li ġara ftit tal-jiem ilu meta tilfu l-logħba f’darhom kontra Spezia bi żball tar-referee li eventwalment ċaħħadhom milli jieħdu xi punti.

Juventus ġejjin minn disa’ riżultati mingħajr telfa fil-kampjonat bl-għan tagħhom hu dak li jilagħbu fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej.

Il-coach Juventin Massimiliano Allegri ma jistax jinkludi lil Leonardo Bonucci, Federico Chiesa u Aaron Ramsey li kollha mweġġgħin. Min-naħa ta’ Stefano Pioli, hu se jkollu jgħaddi mingħajr is-sospiż Sandro Tonali bi Franck Kessie li jinsab jipparteċipa fit-Tazza Afrikana u b’Simon Kjaer u Fikayo Tomori li huma mweġġgħin.

Inter v Venezia

Inter huma favoriti li jiksbu t-tliet punti hekk kif jilqgħu f’darhom lil Venezia. It-tim immexxi minn Simone Inzaghi jinsab fl-ewwel post tal-klassifika b’50 punt minn 21 partita filwaqt li għandu logħba inqas mill-avversarji diretti tagħhom.

Venezia jinsabu r-raba’ mill-aħħar fil-klassifika u bla dubju li qed jittamaw li għallinqas jisirqu punt minn dan il-konfront ferm diffiċli.

Il-coach Inzaghi jinsab ferm ixxurtjat li jista’ jinkludi l-aqwa elementi possibbli għal din il-partita hekk kif m’għandux plejers sospiżi jew imweġġgħin. Min-naħa ta’ Venezia, nieqsa se jkun hemm Michel Svoboda li jinsab sospiż u Tyronne Ebuehi li qed jikkompeti f’AFCON 2022.

Napoli v Salernitana

Napoli għandhom bżonn il-punti sabiex jibqgħu jżommu l-kuntatt ma’ ta’ fuq u għalhekk il-logħba li se jilagħbu f’darhom kontra Salernitana fiha importanza partikolari. Hekk kif il-kowċ Luciano Spalletti qed ikollu jgħaddi minn xi plejers li qed jipparteċipaw fit-Tazza Afrikana bħal Andre Zambo, Adam Ounas u Kalidou Koulibaly, it-tim xorta waħda adatta tajjeb u d-draw li kisbu kontra Juventus ftit tal-ġranet ilu hu xhieda ta’ dan kollu. Il-Partenopei għadhom ma jistgħux jinkludu lil Lorenzo Insigne li jinsab mweġġa’.

Il-klassifika ta’ Salernitana ma tantx hi daqshekk tajba hekk kif jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika b’10 punti minn 21 logħba. Huma se jkollhom neqsin lil Norbert Gyomper li hu sospiż, Mamadou Coulibaly, Nadir Zortea u Stefan Strandberg li jinsabu mweġġgħin u Lassana Coulibaly li qed jikkompeti f’AFCON 2022.

Lazio v Atalanta

Lazio se jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu f’darhom fi Stadio Olimpico meta jospitaw lil Atalanta. Dawn tal-aħħar għadhom fil-ġirja għall-postijiet l-aktar għolja tal-klassifika u għalhekk jittamaw fil-forma tajba tal-attakkanti tagħhom. Huma għandhom 42 punt minn 21 logħba u għandhom vantaġġ ta’ seba’ punti fuq l-avversarji tagħhom li jridu rebħa sabiex jittamaw fil-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet Ewropej fl-istaġun li ġej.

Atalanta għandhom lil Josip Ilicic u Ruslan Malinovsky li huma pożittivi għall-COVID-19 filwaqt li Duvan Zapata u Robin Gosens jinsabu mweġġgħin.

Għal Lazio, il-coach Maurizio Sarri ma jistax jinkludi lil Pedro Rodriguez u Francesco Acerbi.

Sport