Servizz.gov bl-ewwel ċentru f’Għawdex

Aqra wkoll

L-Aġenzija Servizz.gov fetħet uffiċċju reġjonali ġdid f’Għawdex, biex issa kabbret il-preżenza tagħha fil-gżejjer Maltin għal 27 ċentru.

L-uffiċċju reġjonali ġdid ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri u l-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, waqt żjara li għamlu fiċ-ċentru li jinsab Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex. Huma kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Massimo Vella.

Iċ-ċentru ta’ Servizz.gov fir-Rabat, Għawdex, se joffri lill-Għawdxin l-opportunità li jinqdew b’mijiet ta’ servizzi governattivi taħt saqaf wieħed, b’assistenza u applikazzjonijiet għal diversi servizzi fosthom benefiċċji soċjali, servizzi edukattivi, formoli tat-taxxa, ġbir ta’ karti tal-identità, skemi ta’ għajnuna għan-negozji, u servizzi oħra.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li b’dan li qed iħabbru llum, qed tingħata prova konkreta ta’ kemm iċ-ċittadin jinsab fil-qofol tal-politika ta’ dan il-Gvern. Hu spjega li “dan huwa eżempju konkret ta’ Gvern li jpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu u li jibqa’ jinvesti biex is-servizzi jkunu aktar aċċessibbli, effiċjenti u qrib in-nies.”

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, semma kif mil-lum tista’ tgħid li ċ-ċentri ta’ Servizz.gov qed jilħqu kull rokna tal-gżejjer Maltin. Huwa qal li “għalkemm huma 14% biss li qed jippreferu jmorru f’dawn iċ-ċentri, huwa dmir soċjali tagħna li nkunu preżenti fl-ibliet u l-irħula, u għalhekk qed inkomplu nkabbru l-preżenza fiżika tagħna.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizz.gov, Massimo Vella, qal li l-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru jifforma parti mill-viżjoni tal-aġenzija li ġġib is-Servizzi Pubbliċi dejjem aktar qrib tal-pubbliku.

Il-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru jirrifletti l-ammont dejjem jikber ta’ nies li qed jużaw il-pjattaformi ta’ din l-aġenzija, tant li fl-2025 irċeviet 2.5 miljun talba għal informazzjoni jew assistenza. Dawn kienu jikkonsistu f’1.22 miljun telefonata fuq il-Freephone Servizz.gov 153, 350,000 żjara fiċ-ċentri, 80,000 każ li nqdew biċ-chatbot, 131,000 email, u 737,000 li nqdew bis-sit Servizz.gov.mt.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport