Forsi hi impressjoni żbaljata din tiegħi. Biss donnu fl-aħħar xhur, żdied in-numru ta’ ħaddiema li jmutu jew iweġġgħu gravi fuq il-post tax-xogħol, u l-istess ta’ irġiel u nisa li jmutu jew iweġġgħu gravi f’inċidenti tat-traffiku. Dan jista’ jkun kumbinazzjoni jew effett staġjonali.
Min-naħa l-oħra, iż-żieda tista’ tkun ġejja minn fatturi ġodda jew li qed jinbidlu b’mod li kontrihom iridu jittieħdu prekawzjonijiet ġodda. Jista’ jkun pereżempju, li l-mezzi li bihom il-postijiet tax-xogħol qed jiġu sorveljati għal kemm qed jitmexxew b’galbu mhumiex ilaħħqu mal-volum ta’ xogħolijiet għaddejja, b’riżultat li r-regoli qed jitħarsu b’mod “flessibbli”? Jew jista’ jkun li r-regoli ta’ sewqan fit-traffiku għandhom bżonn jiġu aġġornati biex jirriflettu ż-żieda enormi ta’ muturi fit-toroq?
Dnub li fiċ-ċirkostanzi traġiċi tal-imwiet li jiġru, donnu li t-tħassib dwarhom jibred meta jinstab li l-vittmi huma barranin.
IL-POŻIZZJONI TA’ MALTA
Ma setax ikun hemm pożizzjoni oħra għal Malta fid-diskussjonijiet għaddejja fl-Unjoni Ewropea dwar il-baġit tal-Unjoni għas-snin li ġejjin. Pajjiżna ma jaqbilx mad-dħul ta’ taxxi ġodda “federali” biex jiffinanzjaw l-ispiża li se jkollha l-Unjoni.
Biss il-kwistjoni trid tittieħed aktar ’il bogħod. Il-proposti li saru mill-Kummissjoni Ewropea jikkonċernaw tkabbir qawwi fl-ispiża biex ikopru oqsma ġodda ta’ ħidma Ewropea (bħal f’sigurtà, difiża, immigrazzjoni, regolamentazzjoni tal-mezzi elettroniċi ta’ kumnikazzjoni…) Membri ewlenin tal-Unjoni – il-Ġermanja, l-Olanda, il-pajjiżi Skandinavi – qed jikkontestaw iż-żieda fl-ispiża… għalkemm mhux l-inizjattivi l-ġodda. Dawn iridu jitħaddmu, jgħidu huma, billi jitnaqqsu l-ispejjeż fuq proġetti “qodma”. Oħrajn bħal Franza, huma lesti jikkunsidraw taxxi “federali” ġodda u/jew li l-Unjoni tissellef – ħaġa li bħalissa ma tistax tagħmel.
Sa issa publikament il-gvern Malti għadu ma ċċarax id-dettalji dwar l-pożizzjoni tiegħu fuq dawn l-aspetti.
REPUTAZZJONI
Tista’ tgħid li qatt ma kien hemm pajjiż li tilef daqshekk malajr, f’temp ta’ ftit snin, ir-rispett u l-interess li qabel kien igawdi internazzjonalment, bħal ma ġara u qed jiġri fil-każ ta’ ta’ Iżrael. Li jgħaġġbek hu kif maġġoranza enormi ta’ Iżraeljani – mhux biss in-nies ta’ Netanjaħu – jibqgħu jsostnu li l-bqija tad-dinja qed tagħmel xiljiet qarrieqa kontra pajjiżhom, li skont huma, għandu jitqies sempliċement bħala pajjiż imhedded u persegwitat. Sadattant, quddiem kulħadd, jibqgħu jitwettqu l-inġustizzji u attakki fuq nies innoċenti (bħal fix-Xatt tal-Punent) u l-qtil bla ebda skruplu ta’ familji Palestinjani (bħal fil-Gaza).
Ftit seta’ jkun hemm prova aktar qawwija tar-responsabbiltà Iżraeljana, meta anke l-ambaxxatur Amerikan Huckabee, sostenitur radikali tal-pajjiż, ħareġ jikkundanna xinhu għaddej fix-Xatt tal-Punent bħala “terroriżmu”. Għal li ġej, ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Iżrael, bilfors se tibqa’ teħżien.
