Tuesday, January 18, 2022

Sessjoni ta’ taħriġ biex il-Protezzjoni Ċivili jkun iktar preparat għar-realtajiet tal-lum

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkoordina operazzjoni ta’ evakwazzjoni u salvataġġ fil-Gżira bħala parti minn simulazzjoni f’każ li tinqala’ emerġenza f’bini għoli. L-eżerċizzju ttestja l-proċeduri operattivi tad-dipartiment kif ukoll il-komunikazzjoni bejn entitajiet tal-forzi tal-ordni. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li jippromwovi t-tħejjija għal emerġenzi li jistgħu jinqalgħu hekk kif il-bini għoli madwar il-pajjiż qed jiżdied.

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, spjega li l-bini għoli jġib miegħu sfidi ġodda mill-aspett ta’ sigurtà. Dan ifisser li d-dipartiment irid jadatta għal din ir-realtà ġdida sabiex ikun jista’ jwieġeb għal dawn it-tip ta’ sejħiet ġodda. Għaldaqstant, fl-aħħar snin sar investiment bla preċedent biex tissaħħaħ il-flotta tal-Protezzjoni Ċivili, inkluż ix-xiri ta’ trakkijiet apposta li jlaħħqu l-għoli ta’ 32 metru b’investiment ta’ €700,000 kull wieħed.

Sa issa, aktar minn 90 ħaddiem ingħataw taħriġ speċjalizzat b’rabta ma’ emerġenzi li jinqalgħu f’bini għoli. Dan qed isir bħala parti mill-pjan tad-dipartiment sabiex jiġu żviluppati aktar il-ħiliet u l-għarfien tal-ħaddiema tiegħu.

Psaila rringrazzja lill-entitajiet li kienu involuti fl-operazzjoni fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija, LESA, Transport Malta u d-Dipartiment tas-Saħħa.

Sport