Raġel ta’ 27 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar.
Fi stqarrija l-Pulizija qalu li lbieraħ, għall-ħabta tad-9.00pm, ġew informati b’inċident tat-traffiku f’Dawret San Pawl il-Baħar, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 27 sena residenti Santa Venera u Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 62 sena residenti Birkirkara.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.