Raġel iddaħħal l-isptar wara li kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-05:30 a.m. kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq San Pawl tal-Qlejja, il-Mosta.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 43 sena residenti n-Naxxar għal xi raġuni waqa’ wara li laqat il-bankina waqt li kien qed isuq mutur Piaggio Vespa. Huwa kompla jsuq lejn l-Imġarr u aktar tard ittieħed minn xi familjari l-isptar.
Il-Pulizija ġiet infurmata għall-ħabta tal-10:00 a.m. mill-Isptar Mater Dei li ftit ħin qabel kien iddaħħal persuna bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.