Friday, April 26, 2024

It-Tajwan jipprepara għadd ta’ xelters f’każ ta’ attakk miċ-Ċina

Aqra wkoll

It-Tajwan jidher li qiegħed jipprepara xelters li jagħtu kenn minn attakki mill-ajru u dan hekk kif it-tensjoni maċ-Ċina u dak li qed seħħ bejn ir-Russja u l-Ukrajna kompla jkabbar il-biża’ li ċ-Ċina tista’ twettaq attakk fuq din il-gżira demokratika. 

Iċ-Ċina tikkunsidra lit-Tajwan bħala territorju tagħha u f’dawn l-aħħar xhur żiedet sostanzjalment l-attività militari kemm bl-ajru u anke fl-ibħra qrib din il-gżira. Min-naħa l-oħra, it-Tajwan għamilha ċara li se jiddefendi lilu nnifsu u għalhekk żied in-nefqa fuq id-difiża u espanda t-taħriġ militari. 

Fost affarijiet oħrajn, it-Tajwan jidher li qiegħed jipprepara xelters fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jingħataw kenn jekk iċ-Ċina tibda tispara l-missili. Dawn ix-xelters mhumiex bunkers mibnija apposta iżda spazji bħal parkeġġi taħt l-art, is-sistema tas-subway u anke ċentri kummerċjali sotterranji li qed jiġu – jew diġà huma – attrezzati biex jirreżistu l-attakki. Il-kapitali Taipei għandha iktar minn 4,600 xelter ta’ dan it-tip li kapaċi jakkomodaw 12-il miljun persuna – erba’ darbiet iktar mill-popolazzjoni ta’ din il-gżira.

Matul dawn l-aħħar xhur saru numru ta’ drills fejn iċ-ċittadini ġew murija kif u lejn liema xelters għandhom imorru f’każ li jkun hemm attakk.

Sport