Wednesday, March 27, 2024

Jingħata bidu għall-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-Meridiana Wine Estate infetaħ l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid.

Waqt iż-żjara, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tenna li wara ħafna ħidma, wasal iż-żmien li jibda jinqata’ l-għeneb li l-bdiewa Maltin u Għawdxin kabbru matul l-istaġun.

Huwa sostna li għal darb’oħra kellna staġun partikolarment karatterizzat minn nuqqas kbir ta’ xita matul ix-xitwa u r-rebbiegħa kif ukoll ammont ta’ xita fil-bidu tas-sajf li għamlet aktar ħsara milli ġid. Għaldaqstant, it-tkabbir tal-għeneb kien aktar diffiċli u wieħed għandu japprezza s-sagrifiċċju li għaddew minnu l-bdiewa biex kabbru dan il-prodott tant imfittex.

“L-inbid ta’ kwalità huwa wieħed mill-prodotti li għandu rabta diretta mat-territorju Malti u Għawdxi. Dan il-prodott huwa mfittex ħafna mit-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin u l-kwalità hija rikonoxxuta anke mill-Unjoni Ewropea, li tkompli ssaħħaħ l-importanza tas-settur agrikolu f’pajjiżna”, saħaq il-Ministru Refalo.

Huwa temm billi awgura staġun tajjeb lill-bdiewa u lill-għassara kollha.

Ekonomija

Sport