Tuesday, April 30, 2024

Titnieda ir-raba’ edizzjoni tal-Malta Aviation Conference & Expo

Aqra wkoll

Illum, MACE nediet ir-raba’ edizzjoni tal-Malta Aviation Conference & Expo li se tkun qed issir bejn il-5 u s-6 ta’ Ottubru fil-Lukanda Hilton f’San Ġiljan. MACE hija l-akbar konferenza l-avjazzjoni f’Malta; u t-tnedija saret fil-prezenza tal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, l-Onor. Dr. Aaron Farrugia.

L-għan ewlieni tal-konferenza huwa li jinħoloq ambjent ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni għall-mexxejja fl-avjazzjoni biex jgħinu lil xulxin jiksbu s-suċċess u jissaħħu hekk kif l-industrija issa reġgħet ħadet ir-ruħ wara l-perjodu diffiċli li ġabet magħha il-pandemija tal-Covid-19. Wara li s-sena li għaddiet il-konferenza ħarset lejn modi kif setgħet tirriġenera l-industrija, din is-sena il-konferenza se tkun qed tħares lejn kif l-istess industrija tista’ tkompli tespandi u tkabbar lilha nnifisha permezz tat-tema “Gaining Altitude”. Dawk kollha li jattendu se
jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’diskussjonijiet u dibattiti, jitlaqgħu ma’ fornituri tal-industrija u jiddiskutu ma’ uffiċjali regolatorji, professjonisti fl-industrija u esperti varji oħrajn.

Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-avveniment qed ikun issapportjat minn Transport Malta, u se jkun qed isir taħt il-patronaġġ tal-Malta Business Aviation Association (MBAA).

Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija ta’ MACE 2022 Jonathan Dalli, il-Ko-Fundatur ta’ MACE u Kap Eżekuttiv ta’ The Concept Stadium qal: “Sena wara sena nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkompli nkabbru l-akbar konferenza tal-avjazzjoni f’Malta. Din is-sena, anke minħabba t-tema li għażilna, irridu nagħtu ton pożittiv
sabiex MACE tkun “think-tank” tal-avjazzjoni u mhux sempliciment konferenza. Matul is-snin rajna anke aktar u aktar interess hekk kif l-għadd ta’ persuni li attendew għal MACE dejjem żdiet mill-2019 sal-lum.”

Diana Spanu, f’isem DC Aviation, ukoll Ko-Fundatur ta’ MACE, tkellmet dwar l-erba’ punti ewlenin li l-konferenza se tkun qed tindirizza. “Aħna rridu naraw li l-konferenza tagħna tibqa’ relevanti għall-industrija u b’hekk qed nimmiraw li nħarsu lejn punti ta’ diskussjoni li verament jgħinu lill-industrija timxi ‘l quddiem f’dinja li dejjem qed tinbidel u tiżviluppa. Waqt MACE 2022, se nkunu qed inħarsu lejn il-futur tal-avjazzjoni, il-pjattaformi legali u finanzjarji, l-akkwist tat-talent u żvilupp, u nħarsu lejn Malta bħala ġurisdizzjoni tal-avjazzjoni ewlenija.”

Preżenti wkoll għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu kien hemm l-Onor. Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr. Aaron Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi.

Min-naħa tiegħu, il-Brigadier Jeffrey Curmi, Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta qal: “huwa ta’ unur li l-Awtorità tat-Trasport tkompli turi s-sapport tagħha lejn MACE. Transport Malta temmen bis-sħiħ li MACE hija l-mezz ideali għaliha biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ l-Avjazzjoni Ċivili u taqbel mal-viżjoni tagħha għad-
Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili.”

MACE ġiet iffundata minn DC Aviation Group, The Concept Stadium u Novargo.

Sport