Friday, November 15, 2024

“Sfida iebsa imma konna ta’ spalla għal xulxin”

JASLU LURA MALTA Ċ-ĊIKLISTI TAL-LIFECYCLE

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Akrar kmieni llum waslu lura Malta ċ-ċiklisti li ħadu sehem fil-LifeCycle Challenge ta’ din is-sena. Dan wara li temmew b’suċċess vjaġġ ta’ 2,000 kilometru mit-Tajlandja għall-Malażja, bil-għan li jinġabru fondi għall-pazjenti b’mard tal-kliewi u għal riċerka u għarfien akbar f’dan il-qasam.

Iċ-ċiklisti waslu f’Kuala Lumpur nhar it-Tlieta li għadda wara vjaġġ ta’ għaxart ijiem li beda minn Bangkok. Il-LifeCycle Challenge tirrikjedi sforz kbir fiżiku u mentali miċ-ċiklisti biex ta’ kuljum iqattgħu sigħat sħaħ fuq ir-rota fejn kellhom jaffaċċjaw elementi differenti li sabu tul it-triq.

Talk.mt tkellmet ma’ Shirley Cefai, waħda miċ-ċiklisti li pparteċipat f’din it-23 edizzjoni tal-LifeCycle Challenge. Hija qalet li l-isfida kienet waħda mill-aktar iebsa li qatt esperjenzaw u li ċ-ċiklisti kienu ta’ spalla għal xulxin tul il-vjaġġ kollu. “Bħala sfida kienet kbira għaċ-ċiklisti. Kellna x-xita, riħ u tlajja imma t-tip ta’ back up għenhom ukoll biex jibqgħu għaddejjin sal-aħħar,” qalet Cefai.
Il-fundatur ta’ LifeCycle Malta Foundation Alan Curry qal li “ninsabu kburin li temmejna b’suċċess din l-isfida. Apparti t-tħejjijiet kollha, li wieħed jasal fl-aħħar huwa ta’ sodisfazzjon enormi. Madankollu, f’dan il-mument emozzjonanti, il-ħsibijiet tagħna huma mal-pazjenti tal-kliewi, li l-isfida dejjiema tagħhom għadha ‘l bogħod biex tintemm.”

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz tar-Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal mil-link: https://buff.ly/35g17CC jew billi wieħed jibgħat SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.

Ekonomija

Sport