Tuesday, February 18, 2025

Sfidi għandna bħal kulħadd, iżda bl-għaqal tal-klabb u ta’ bejnietna, nemmnu li nistgħu naslu – Gosef Mizzi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-futbol minn dejjem kien xi ħaġa li fittixt, speċjalment meta kont tifel. Kull fejn kont immur, kont nispiċċa nilgħab bil-ballun, tkun xi tkun l-okkażjoni. Niftakarni wkoll nara xi logħbiet, kemm fuq it-televixin u anke nitla’ Ta’ Qali ma’ missieri meta kont tifel ċkejken. Minn hemm ‘il quddiem, ma ħaristx lura, u l-futbol sar parti minn dak li jien illum.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Melita sa issa fil-Malta Premier?

Jekk wieħed jara r-riżultati, nemmen li tajna logħba lil kulħadd, u dan juri bir-riżultati li ksibna. Nemmen li bl-istruttura ta’ Melita FC, il-kowċis u l-plejers sħabi nistgħu nagħmlu dak li forsi f’għajnejn id-dilettanti tal-futbol huwa diffiċli … dak li nistabilixxu ruħna bħala tim fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Sfidi għandna bħal kulħadd, iżda bl-għaqal tal-klabb u ta’ bejnietna, nemmnu li nistgħu naslu għal dan it-tragward.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Clive Mizzi?

L-esperjenza tiegħi mal-kowċ Clive Mizzi hija waħda pożittiva għall-ahhar. Apparti li huwa kowċ tattikament bravu u jaf il-logħba, huwa wkoll għandu esperjenzi fil-Kampjonat Premier, kemm bhala eks plejer f’dan il-kampjonat u anke bhala kowċ. Nemmen illi dil-esperjenza tgħin lill-klabb tal-Melita u lill-plejers, li ħafna minnhom għalihom, din hija l-ewwel esperjenza tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Ma nistax ma ngħidx ukoll li taħt il-gwida tiegħu, irnexxielna mhux biss nitilgħu miċ-‘Challenge League’, iżda wkoll nirbħuh, kontra timijiet validi, ta’ kwalitá u forsi iva, ta’ aktar esperjenza minna.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Michael Naudi?

Il-kumitat u l-president Michael Naudi jaħdmu ħafna sabiex aħna l-plejers inkunu nistgħu niffokaw fuq dak li għandna nagħmlu, u ovvjament, mingħajrhom il-klabb ma jkun xejn. Fil-mumenti kemm tajbin u anke diffiċli, dejjem sibna l-appoġġ tagħhom, u minn hawn nieħu l-opportunitá sabiex nirringrazzja lil dawn in-nies illi xogħolhom, sfortunatament, ma tantx jiġi apprezzat fil-futbol lokali, speċjalment fi klabb modest bħal mhuwa Melita FC.

X’inhuma t tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Ma nkun qiegħed ngħid xejn ġdid illi t-tragward tagħna għal dan l-istagun huwa dak li nistabilixxu ruħna bħala tim fl-ogħla diviżjoni tal-futbol lokali, kemm jista’ jkun malajr.

Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fil-futbol?

Is-sabiħ tal-futbol huwa li qatt ma tkun taf x’se jiġri ‘l quddiem, peró, xi ħaġa li dejjem ngħid hija li meta tħares lejn il-futur, wieħed għandu jħares biss sabiex ikun verżjoni aħjar milli jkun fil-preżent.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Xogħol iebes dejjem ikun innutat u apprezzat!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport