Sunday, December 22, 2024

Sfidi tat-tibdil fil-klima li tiffaċċja l-Industrija Marittima diskussi f’seminar organizzat bejn il-BOV u l-MMF 

Aqra wkoll

L-Industrija Marittima qed tiffaċċja sfidi bla preċedent minħabba t-tibdil fil-klima hekk kif tħares lejn id-dekarbonizzazzjoni u l-espansjoni b’mod sostenibbli, f’konformità mal-oqfsa regolatorji u l-ESG. Dan qalu l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, President tal-Malta Maritime Forum waqt ‘L-Effiċjenza tal-Enerġija fis-Settur Marittimu,’ seminar organizzat mill-Malta Maritime Forum b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta.

‘It-tibdil fil-klima qed jikkawża żieda fit-temperaturi tal-baħar u tal-arja, tibdil fil-livelli tal-baħar u żieda fil-frekwenza u l-qawwa ta’ avvenimenti marittimi estremi li jikkawżaw tfixkil kbir fl-operat tal-industrija,’ kompla ċ-Chairman tal-MMF. “L-obbligi tal-UE u dawk Internazzjonali qed jiddaħħlu gradwalment, fi sforz biex jintlaħqu miri ambizzjużi tan-newtralità tal-karbonju u l-għan li titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili mir-Russja. Minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li d-dinja esperjenzat tul l-aħħar sentejn u li għadhom għaddejjin, huwa ċar li l-Industrija Marittima teħtieġ għodod u riżorsi xierqa ta’ finanzjament.’

‘Il-banek li jappoġġjaw l-industrija tat-tbaħħir qed jirrikorru dejjem aktar lejn data dwar l-effiċjenza fl-enerġija meta jieħdu deċiżjonijiet ta’ finanzjament, pass li jħabbar bidla sinifikanti fis-suq,’ qal Kenneth Farrugia, Chief Retail Banking Officer fi ħdan il-Bank of Valletta waqt li indirizza s-seminar. ‘Kull bastiment jirrappreżenta investiment ta’ bosta miljuni ta’ dollari u s-sidien u l-operaturi tal-bastimenti jiddependu fuq finanzjament mill-Banek biex jiżguraw li jkunu jistgħu jibnuhom, jaġġornawhom u jmantnuhom. Dan ifisser li l-Banek jistgħu jeżerċitaw influwenza qawwija fuq l-iżvilupp tas-suq f’konformità mal-linji gwida ESG.’

David Kerr, Membru fil-Kabinett tal-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza żamm lill-membri tal-komunità marittima preżenti aġġornati mal-aħħar żviluppi li ħarġu minn Brussell fir-rigward tal-Pakkett Fit for 55 tal-Kummissjoni, il-Pjan REPowerEU u l-aħħar negozjati li għaddejjin fuq livell Ewropew kif ukoll dak Internazzjonali.

Mark Scicluna Bartoli, Eżekuttiv fil-qasam tal-Product Management & Development fil-BOV, fl-aħħar preżentazzjoni matul is-seminar enfasizza l-għażliet ta’ finanzjament favur l-ambjent tal-BOV u kif dawn jistgħu jiġu applikati għas-settur Marittimu.

‘Il-Bank of Valletta, permezz tal-istrateġija ESG tiegħu qed jiżviluppa prodotti speċifiċi li l-għan tagħhom huwa li jiffaċilita l-aċċess għall-Finanzjament f’investimenti fl-effiċjenza enerġetika,’ qal is-Sur Scicluna Bartoli waqt li ppreżenta prodott pilota ffukat fuq finanzjament tal-effiċjenza enerġetika żviluppat b’mod konġunt mal-FEI. ‘Prodott bħal dan, li joffri rati ta’ imgħaxx imnaqqsa u obbligi kollaterali flimkien ma’ sussidju ta’ 2.5% fuq ir-rata ta’ imgħaxx għal perjodu ta’ 10 snin, jipprovdi il-finanzjament tant meħtieġ lill-intrapriżi li joperaw fis-settur Marittimu.’

Il-kollaborazzjoni bejn il-Bank of Valletta u l-Malta Maritime Forum għandha rwol importanti biex tgħaqqad il-partijiet interessati kollha flimkien u żżommhom aġġornati mal-iżviluppi fis-settur u s-soluzzjonijiet bankarji li l-Bank għandu disponibbli f’dan ir-rigward filwaqt li jaħdem id f’id biex isostnu s-suċċess ta’ dan is-settur ekonomiku importanti.

Ekonomija

Sport