Wednesday, July 24, 2024

Shaun Sultana … plejer emerġenti taċ-Chinese 8 Ball li qed jispikka ferm f’dan l-isport

Aqra wkoll

Plejer taċ-Chinese 8 ball emerġenti li ġej mill-kamp tal-isnooker, u li qed jispikka ferm f’dan l-isport huwa l-Għawdxi, Shaun Sultana. Dan il-ġurnal tkellem miegħu fejn tana id-dettalji kollha rigward it-tragwardi u dak kollu li rnexxielu jikseb fil-karriera tiegħu f’dan l-isport sa issa:

“Dħalt fid-dinja tal-isnooker ta’ etá żgħira ta’ 11-il sena fejn bdejt nipprattika dan l-isport ġewwa l-każin Leone jew aħjar kif inhu magħruf iżjed l-Aurora fir-Rabat, Għawdex, fejn irbaħt il-kampjonat Għawdxi għal kemm- il darba fejn bdejt wkoll nikkompeti f’tournaments ġewwa Malta fl-etá ta’ 13-il sena fejn ukoll irnexxieli nirbaħ diversi unuri grazzi kbira lil missieri li għalkemm kien ikun okkupat bin-negozju tar-restaurant, xorta kien isib il-ħin u jwassalni għal dawn it-tournaments. Ikkompetejt ġewwa diversi pajjiżi madwar id-dinja fejn minn hemm dejjem bqajt inżid l-imħabba tiegħi lejn din il-logħba tassew sabiħa.”

“F’Mejju tal-2023 ġejt ikkuntattjat mill-kumpaija Joy World Heybll Tour allokata ġewwa ċ-Ċina sabiex nibda nikompeti f’tournaments taċ-chinese 8 ball. Ġejt offrut kuntratt mal- istess kumpanija u nibda nattendi diversi tournaments li jsiru madwar iċ-Ċina. Din il-logħba tista’ tgħid li tixibah ħafna bejn l-isnooker u l-american 9ball peressli l-mejda tkun bil-pockets tal-isnooker, peró tkun iżgħar u l-boċċi l-istess daqs ta’ American pool.” 

“Ta’ min wieħed isemmi li sabiex tilgħab din il-logħba trid ċerta hila u prattika speċjalment meta wieħed jara d-daqs tal-pockets fejn boċċa tista’ tgħid li impossibli sabiex tiġi ppotjata meta tkun mal-cushion. Nazzarda ngħid li din il-logħba se tkun il-logħba tal-futur speċjalment meta tara l-aspirażzjoni fejn iridu jwasslu din il-logħba fejn anke f-iskejjel primarji qegħdin irawmu ħafna plejers ta’ etá żgħira.”

“Tista’ tgħid li f’kull 100 metru ġewwa ċ-Ċina ssib billiard hall b’il fuq minn 20 mejda f’kull sala fejn tara plejers Ċiniżi jilagħbu b’dedikazzjoni liema bħalha! Ikolli ngħid ukoll li dan it-tournament li attendejt għalih iħallas l-ikbar premju lir-rebbieħ fi kwalkunkwa cue sport ieħor inkluż snooker, 8ball u 9ball fejn il-premjijiet totali jammontaw għall-ħames miljun dollaru. Din kienet it-tieni ezperjenza tiegħi ġewwa ċ-Ċina nikkompeti f’dawn it-tip ta’ tournaments fejn dan li ninsab hawn għalih bħalissa hawn madwar 600 plejer minn madwar 61 pajjiż madwar id-dinja. Kien ta’ unur kbir għalija li xejjirt il-bandiera Maltija fost dawn il-pajjiżi kollha fejn ukoll irnexxieli nikseb riżultati tajbin ħafna, fejn inqlajt fl-aħħar logħba sabiex nikkwalifika għall-Main Stage Event.”

“Qed inħares lejn il-futur b’ottimiżmu kbir fejn dawn it-tournaments li qed nikkompeti fihom ġewwa ċ-Ċina, nixtieq nibqa’ nagħmel parti minnhom, għalkemm mhix faċli għalija daqs kemm hi għall-plejers oħrajn. Dan minħabba l-fatt li ġewwa Malta, imwejjed taċ-chinese 8 ball ma ssibhom imkien, allura tkun diffiċli x’ħin nikkompeti ma’ plejers oħrajn li jittrenjaw bejn sitt u tmien sigħat kuljum fuq dawn l-imwejjed. Ninsab ċert li bis-saħħa wkoll tal-Gozo Sports Board, insibu kompromess u nagħmlu dan il-pass possibli. Ta’ min isemmi wkoll li din il-logħba qiegħda tippromwovi sabiex tibda tagħmel parti mill-Olimpjadi, fejn ninsab ottimist li din se tkun possibli li titwettaq meta tikkonsidra kemm qiegħda ssir popolari fi żmien qasir, fejn anke plejers mix-xena tal- isnooker fosthom Mark Williams, Stuart Bingham, Stephen Meguire, Greame Dott u Ricky Walden qegħdin jattendu għal dawn it-tournaments tant prestiġjużi ġewwa ċ-Ċina.”

“Minn hawn nixtieq nirringrazzja lil SportMalta tax-xogħol tajjeb u siewi li qegħdin jagħmlu speċjalment għax-xogħol professjonali li sar ġewwa l-akkademja tal-isnooker ġewwa l-Ħamrun li għalkemm għalija personali ma tantx nagħmel użu minn din il-faċilitá peressli ngħix Għawdex peró nipprova nieħu din l-opportunitá offruta sabiex insib ħin u nikkompeti f’tournaments li jsiru mill-Malta Billiards and Snooker Association, fejn bla dubju qiegħda tħalli l-frott tagħha, fejn insemmi plejers Maltin ta’ livell għoli bħal Brian Cini li kif nafu wasal sas-semi-finali tal-Kampjonat Ewropej fil-ġimgħat li għaddew ġewwa l-Bożnja Herzegovina, u anke fil-passat kien qrib li jaqleb bħala plejer professjonali. Insemmi wkoll lil Aaron Busutill li wkoll jikkompeti fi Q tours madwar l-Ingilterra sabiex jidħol fil-main tour.”

“Bħala plejer li ġej mill-kamp tal-isnooker u issa li qiegħed nagħmel parti miċ-chinese 8 ball, nixtieq nippromwovi dan it-tip ta’ sport li għalkemm trid sigħaat twal ta’ taħriġ sabiex dejjem tibqa’ ttejjeb il-livell tiegħek, hija logħba tassew sabiħa u ta’ ħila kbira, kif ukoll tagħtik pjaċir meta tikseb xi riżultati sbieħ, speċjalment meta tirrapreżenta lil Malta. Kif ħafna jafu l-logħba f’Malta dejjem qed tikber u tikber fejn għandna l-faċilitaijiet kollha meħtieġa sabiex tibda tipprattika bl-aħjar kundizzjonijiet possibli.” 

“Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lill-ġenituri tiegħi kif ukoll lit-tfajla tiegħi, Manuela, li dejjem kienu ta’ sapport kontinwu għalija u dejjem kienu ta’ kuraġġ sabiex nikkompeti f’pajjiż daqshekk ‘il bogħod minn Malta. Nirringrazzja wkoll lil SportMalta u lill-Gozo Sports Board, li qegħdin jagħmlu dak kollu possibli sabiex l-isport f’pajjiżna jibqa’ jtejjeb il-kwalitá tiegħu!”

Ekonomija

Sport