Niftakar meta qabel l-2020, kellna settur tal-kera sparpaljat. Anzi nazzarda ngħid li kellna kollox barra settur tal-kera. Ma kellniex idea min qed jikri u fejn qed jikri. Rajna bidla fid-direzzjoni u xammarna l-kmiem biex lis-settur tal-kera, li huwa ekonomikament importanti ħafna, nagħtuh direzzjoni u struttura sura ta’ nies. Tliet snin wara, għandna settur tal-kera b’qafas legali b’saħħtu u li jindirizza d-dinamiċiżmu tal-istess settur.
Stqarr dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes meta t-Tlieta filgħaxija kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji għall-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli.
Il-Ministru Galdes beda biex spjega li sa issa kienu rreġistrati aktar minn 56,000 kuntratt tal-kera mal-Awtorità tad-Djar, b’din l-informazzjoni setgħet tkun disponibbli għaliex fi kliemu stess dan il-Gvern kien “pijunier tar-riforma f’dan is-settur.”
Min-naħa l-oħra, huwa qal li fl-aħħar xhur bdiet sitwazzjoni fejn ir-rgħiba tal-ftit sidien li jikru lill-inkwilini kienet qiegħda tipperikola d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li sussegwentement twassal għal diżordni fil-madwar.
Qal li kien hemm sitwazzjoni fejn saħansitra nstabu 30 persuna f’appartament wieħed. Hawn kompla mal-messaġġ tal-Prim Ministru li għadda fil-ġimgħat li għaddew lil dawk il-ftit sidien li kulma jridu jħaxxnu buthom minn fuq dar in-nies – ‘TIME IS UP.’
Huwa fakkar ukoll li bħalissa l-Gvern qed ikun ta’ spalla għal kważi 3,000 persuna li jaraw lis-settur tal-kera bħala mezz alternattiv ta’ akkomodazzjoni. Dan qed isir b’investiment bla preċedent li jaqbeż is-€7.5 miljuni.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Galdes semma wkoll li l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli matul din is-sena implimenta l-miżuri kollha li tħabbru fil-Budget ta’ sena ilu.
Huwa kompla billi qal li bħalissa madwar il-pajjiż għaddejjin xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u xogħol ieħor fuq 20 sit ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dawn l-20 sit se jfissru 1,700 appartament li se jagħtu l-opportunità lil dik il-mara, lil dik il-koppja jew lil dik il-familja li minnħabba ċ-ċirkostanzi ma jistgħux jaċċessaw is-suq tal-proprjetà.
Fl-aħħar sena, b’investiment ta’ madwar €9 miljuni, aktar minn 130 familja bdew jgħixu l-ħolma tagħhom taħt saqaf diċenti u dinjituż.
Permezz tal-iskema Nikru biex Nassistu, għand il-Gvern għaddew madwar 700 proprjetà li s-sidien ta’ djar battala wrew ix-xewqa li jikru l-abitazzjoni tagħhom lill-Awtorità tad-Djar.
Ġie spjegat kif mis-sena li ġejja, dawk is-sidien li taw il-proprjetà tagħhom taħt din l-iskema se jibbenefikaw minn eżenzjoni fuq it-taxxa tal-bejgħ fuq l-ewwel €200,000. Dawk l-inkwilini li bħalissa qed jikru taħt din l-iskema se jingħataw l-opportunità li jsiru sidien ta’ darhom u ma jħallsux taxxa tax-xiri fuq l-ewwel €200,000.
Dwar l-iskema tal-Equity Sharing, il-Ministru Galdes qal li wara li din tniżżlet minn 40 sena għal 30 sena, komplew jintlaħqu aktar nies. Riżultat ta’ dan, fl-2023, il-Gvern daħal sieħeb fix-xiri tal-proprjetà għal kważi 80 persuna.
Huwa żied jgħid li llum għandna l-lista tal-istennija għall-akkomodazzjoni soċjali mqaċċta bin-nofs u aktar minn 80% tal-popolazzjoni li huma sidien ta’ darhom mhumiex kumbinazzjoni.
“Wasalna? LE. Aħna qatt m’aħna kuntenti u ngħidu wasalna, il-ġlieda tagħna għall-ġustizzja soċjali, għal Malta Ġusta għadha tbaqbaq fina,” tenna l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.