Saturday, May 4, 2024

Under 19: Draw pożittiv għal Malta kontra l-Kosovo

Aqra wkoll

Malta ……….2

Kosovo …….2

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena temm l-impenji tiegħu tal-mini-tournament fuq nota pożittiva, meta żamm lit-tim tal-Kosovo fi draw ta’ 2-2. Kien punt meritat għal Malta, li ddominaw l-ewwel nofs siegħa ta’ dan il-konfront u partijiet kbar mit-tieni taqsima. Dan ir-riżultat kien biżżejjed biex il-Kosovari jikkwalifikaw għar-rawnd elite ta’ din il-kompetizzjoni, għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom f’din il-kategorija ta’ età.

Meta mqabbel mal-partita tas-Slovakkja nhar is-Sibt li għadda, il-kowċ tat-tim Nazzjonali ta’ Malta ta’ taħt id-19-il sena Paul Gatt biddel il-formazzjoni inizjali tiegħu f’mhux inqas minn sitt pożizzjonijiet, bid-difensur ta’ Valletta Kelvin Baldacchino jiddebutta fit-tournament. B’Ethan Debono u Basil Tuma fuq quddiem, Gatt beda b’żewġ attakkanti friski, biex inizjalment ħalla lil Sean Gatt li jilgħab ma’ Varzim fuq il-bank, u daħal bħala sostitut fil-mistrieħ. Isaiah Chukunyere u Matthias Fenech kienu l-players il-ġodda f’nofs il-ground filwaqt li fuq il-linja tax-xellug, Kaiden Fenech kien ippremjat b’post ukoll fil-formazzjoni inizjali.

L-avversarji l-Kosovo beda bi tliet players ibbażati fil-Kosovo biss fil-formazzjoni inizjali tagħhom, bil-biċċa l-kbira tal-iskwadra jilagħbu fil-Ġermanja u l-Iżvizzera ma’ klabbs rinomati bħal VfB Stuggart, Schalke 04, Grasshoppers Zurich u Werder Bremen.

Wara li diġà pproduċiet żewġ attakki mill-isbaħ fil-fażi inizjali, Malta marret fil-vantaġġ wara biss sitt minuti b’Matthias Fenech jikkapitalizza minn żball difensiv tal-Kosovo meta pass lura ta’ Leon Zeqiraj kien qasir wisq għall-goalkeeper Art Miftari, b’Fenech kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u tefa’ ġewwa. Erba’ minuti wara fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, il-goalkeeper Malti Luca Camilleri wettaq save mill-aqwa fuq xutt fil-baxx ta’ Edion Gashi, li b’mod notevoli ngħata ħafna spazju. Camilleri reġa’ ġie msejjaħ lura fl-azzjoni fil-35 minuta, bi freekick dirett ta’ Igball Jashari li ġie mdawwar f’corner.

Lejn nofs it-taqsima iżda, il-Kosovo dawru l-partita favurihom. Huma ngħataw penalty fid-39 minuta meta Myron Micallef waqqa’ lil Elvir Gashijan fil-kaxxa, b’Eliot Bujupi jikkonverti. Tliet minuti wara, il-viżitaturi marru fil-vantaġġ permezz ta’ xutt angolat minn tarf il-kaxxa ta’ Dior Gerbovici, li approfitta minn eżitazzjoni fid-difiża ta’ Malta.

Malta lagħbet it-tieni taqsima b’mod eċċellenti, fejn għall-biċċa l-kbira tal-ħin ippressaw lill-Kosovari lura f’nofs il-ground. L-ewwel okkażjoni ta’ gowl wara l-mistrieħ kienet għal Malta meta l-volley ta’ Matthias Fenech fid-49 minuta falla l-mira bi ftit minn tarf il-kaxxa. Ftit wara, xutt mill-isbaħ ta’ Kaiden Fenech ġie salvat b’diffikultà minn Miftari, żewġ okkażjonijiet mill-isbaħ li wrew l-intenzjonijiet ta’ attakk mill-Malyin. Kemm Tuma kif ukoll Gatt żammew lid-difiża tal-Kosovo fuq saqajha b’ġirjiet sbieħ, u ħolqu ħerba f’diversi okkażjonijiet.

Fit-82 minuta, Tuma ġie ffawljat fil-kaxxa minn Alpi Shihani bir-referee Grieg, Vassilis Fotia, jordna penalty. Il-captain Lucas Caruana ma żbaljax mill-11-il metru, u b’kalma tefa’ lil Miftari fin-naħa opposta. Minuta wara fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, Bujupi seta’ mill-ewwel reġa’ rrestawra l-vantaġġ tal-Kosovo iżda falla ċans liberu bl-isforz tiegħu jipi salvat minn fuq il-linja fatali.

Iktar kmieni llum, l-Ukrajna lagħbu l-aqwa logħba tat-turnament billi għelbu lis-Slovakkja bl-iskor kbir ta’ 4-0, bl-Ukreni diġà jkunu tlieta minn fuq sal-mistrieħ. Dan ifisser li l-Ukrajna rebħu l-grupp b’sitt punti, qabel il-Kosovo b’ħames punti, is-Slovakkja erba’ punti u Malta punt. L-Ukrajna u l-Kosovo għalhekk ikkwalifikaw għar-round elite, li se jintlagħab f’Marzu u April tas-sena d-dieħla.

Malta: Luca Camilleri, Kelvin Baldachino, Sven Xerri, Myron Micallef (Ivin Farrugia 70), Isaiah Chukunyere (Kian Vella 70), Mattias Fenech, Matthew Fenech, Lucas Caruana, Zak Barbara (Trezeguet Zammit 83), Ethan Debono (Sean Gatt 46), Basil Tuma (Kian Leonardi 83) Coach: Paul Gatt

Kosovo: Art Miftari, Dren Dobruna, Leon Zeqiraj, Alpi Shahini, Erion Salihu (Leonit Ibrahimi 70), Dior Gerbovci (Lorent Talla 63), Elvir Gashijan (Ajazaj Engjelli 70), Diamant Lokaj, Edion Gashi (Elmedin Rama 70), Igball Jashari ( Fanol Lutolli 63), Eliot Bujupi Coach: Adil Maliqi

Referee: Vassilis Fotias (Greċja)

Sport