Għaddew ftit jiem mhux ħażin minn meta fil-Mosta tqajjem plejtu sħiħ għax kienu se jiġu rilokati xi siġar tal-ficus u flokhom jitħawlu oħrajn aktar adatti għall-ambjent tal-post u li l-għeruq tagħhom ma jkunux ta’ ħsara bħalma kienu dawk tal-ficus. Fil-verità kull min esperjenza xi siġra tal-ficus fuq il-bankina ta’ quddiem daru jaf xi ħsara jikkawżaw l-għeruq ta’ siġra bħal din.
Ħarsa lejn id-dawra art ta’ madwarhom tagħtik stampa aktar minn biżżejjed. Ħtiebi u madum sfurzat ‘il fuq. Niftakar fit-triq ewlenija tad-dħul/ħruġ f’Ħaż-Żebbuġ, Vjal il-Ħelsien, kien hemm residenzi li l-bibien ta’ barra tagħhom ma setgħux jinfetħu b’mod liberu tant kemm il-madum tal-intrata tagħhom tgħolla. Tali siġar kellhom jitneħħew u ma jidhirlix li kienu saru xi protesti dwarhom. Ir-raġuni ma tridx forza.
Li wassalni biex illum nikkummenta fuq is-siġar huwa ‘l-iżbilanċ’ fil-mod kif ikun trattat is-suġġett. Tiftakru kemm protesti u xeneġġati saru fit-triq li minn Ħ’Attard twassal għar-Rabat fi żmien meta kien se jibda l-proġett tas-Central Link li llum nistgħu nirreferuh għalih b’esperjenza tal-użu tiegħu? Tiftakru kemm xenati minn uħud marbutin mas-siġar li skont huma kienu se jinqatlu? Dan minkejja li kien hemm l-assigurazzjoni li l-proġett, li ovvjament kien jitlob li jitneħħew xi siġar biex isir u l-bżonn għalih kien wieħed kbir, kien se jara tħawwil ta’ ferm aktar siġar milli filfatt inqalgħu, anke jekk dawk li nqalgħu ġew rilokati x’imkien ieħor.
Nistiednek tgħaddi llum mill-istess inħawi u tara jekk dak imwiegħed sarx. Sar fuq li sar. Imma ma tara EBDA KELMA ta’ rikonoxximent. Ta’ apprezzament. Ma tara ebda proxxmu marbut ma’ xi siġra minnhom b’tabella ma’ sidru jitlob skuża talli tħalla jinġibed minn imnieħru imma l-aqwa li jkun hemm protesta. Nistiednek tmur tgħodd kemm-il siġra hemm mhux tul it-triq kollha, imma minn ħdejn l-mina ġdida fid-direzzjoni ta’ Ħ’Attard sa qabel tasal fejn il-mixtla ta’ Wied Inċita, fuq iż-żewġ naħat. Siġar li mhux ħadu post siġar oħrajn, imma siġar ġodda.
Nistiednek ukoll tmur sa ħdejn il-proġett riċenti tal-flyovers ta’ ħdejn l-ajruport. Hemmhekk ukoll nistiednek tgħodd kemm siġar ġodda tħawlu. Smajt jew qrajt xi kelma ta’ apprezzament?
Riċentement qrajt post li tella’ fuq Facebook Jason Micallef, Head of Unit Park Nazzjonali ta’ Malta, li jkopri Ta’ Qali kollu. Kiteb hekk: Park Nazzjonali ta’ Malta – Ta’ Qali. Fuq dan l-akbar spazju aħdar f’pajjiżna ta’ madwar 350,000 metru kwadru, li jiġu d-daqs ta’ 21 ground tal-football, s’issa ħawwilna: 970 siġra ġodda kbar; 22,000 xitel li jħaddru s-sena kollha; 2,500 arbuxelli li jħaddru s-sena kollha; 20,000 xtieli staġjonali (tal-fjuri).
Dawn s’issa swewna madwar €475,000, li jfisser investiment ta’ kważi nofs miljun ewro fuq siġar u xtieli biss. Eluf ta’ metri fuq sistema tal-irrigazzjoni għal tisqija kontinwa. Bini ta’ ġwiebi ġodda taħt l-art għall-ilma, u l-ilqugħ tal-ilma.
Il-park qed jinżamm fuq l-ogħla standards ta’ manutenzjoni, kura, tisqija u ndafa permezz ta’ seba’ ġardinara kuljum, ħames membri tal-indafa (cleaners) kuljum u ħames membri tas-sigurtà flimkien mal-amministrazzjoni tal-park li taħdem mill-uffiċini tal-bini amministrattiv fl-istess park.
Alla jbierek kurjuż il-fatt, li ħadd qatt mill-professuri li jmexxu ‘l hekk imsejħa media indipendenti f’pajjiżna, ma resaq lejn dal-park meravuljuż jistaqsini x’investejna, u x’qed inkomplu ninvestu f’din l-akbar riġenerazzjoni fuq spazju aħdar wieħed li qatt ra pajjiżna. Lanqas qatt ma tara stejjer sbieħ fuq it-tgawdija ta’ dan il-park min-nies, u l-eluf t’għasafar li jpassu jew jistkennu fih. Ma tarax! Imma bħal donnu dal-professuri tal-media lokali, il-pożittiv ma jinteressahomx li jirrappurtawh. Jimpurtahom biss min-negattiv u kif se jallarmaw lin-nies bi stejjer negattivi.
Jien u sħabi kuntenti ħafna li l-PARK NAZZJONALI f’TA’ QALI qed jitgawda minn eluf kbar ta’ familji, skejjel tat-tfal, skejjel tal-eżerċizzju fiżiku u oħrajn li tant japprezzaw dak li wettaqna s’issa. Filwaqt li qed inkomplu naħdmu ferm aktar biex f’Ta’ Qali inlestu, u inroddu lura aktar spazji ħodor kbar ġodda għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
L-2024 se tkun sena oħra kbira, mill-isbaħ f’din l-akbar riġenerazzjoni li qatt seħħet madwar Ta’ Qali kollu.
Qabel ktibt dan t’hawn fuq kellimt lil Jason Micallef biex nara kienx hemm xi reazzjoni għall-post tiegħu fuq Facebook. It-tweġiba tiegħu kienet: Ma tarax!
U allura dwar dan partikolarment nieqaf hawn.
Neħodkom lura lejn iċ-ċentru tal-Mosta. Kif tafu kienu diġà inġabu s-siġar li kienu se jieħdu post dawk tal-ficus. Għal dawn il-ġranet festivi tali siġar żżejnu bid-dwal. Tafu li kien hemm min ħareġ jikkritika li d-dawl kien se jtellef lill-għasafar milli jorqdu! B’dan it-tip ta’ argument nistgħu allura nitfgħu kullimkien. Nistgħu ma nagħmlu ebda żbir ta’ siġar għax dak li taqta’ minnhom ikunu ‘l-kmamar tas-sodda’ tal-għasafar. Jekk trid tara l-ferneżija li taqbadhom l-għasafar meta jinżabru s-siġar nistiednek tiġi Ħaż-Żebbuġ fi Triq Sciortino (fejn jarmaw tal-monti) fil-jiem ta’ qabel il-festa ta’ San Filep. Allura x’tagħmel? Ma tiżborx is-siġar? Ma ssaħħaħhomx? Ma tagħtix dehra mill-isbaħ lill-post bil-mod li bih jinżabru?
Meta se nibdew inkunu rikonoxxenti għat-tajjeb li jsir?
[email protected]