Mal-25,000 delegat, 1,000 esebitur, 200 start-up, ġejjin minn aktar minn 80 pajjiż madwar id-dinja matul il-ġimgħa li għaddiet kienu qegħdin Malta jipparteċipaw fl-akbar festival tal-gaming tad-dinja, li sar fl-MFCC Ta’ Qali organizzat mis-SiGMA Group. Mifruxa fuq ħamest ijiem, tliet festivals – SiGMA iGaming Summit, AIBC Summit u Med-Tech World Summit provdew pjattaforma ta’ networking tan-negozju lill-mexxejja globali, esperti tal-industrija u influencers, f’iGaming, teknoloġiji emerġenti, blockchain, kripto, teknoloġiji mediċi, marketing diġitali u l-affiljazzjoni.
Il-Fundatur ta’ SiGMA Eman Pulis spjega l-effett ta’ dan is-Summit fuq l-ekonomija ta’ Malta. “SiGMA Europe, Malta Summit jiġġenera biżżejjed attività ekonomika fil-gżira biex jibqgħu għaddejjin l-ekwivalenti ta’ 950 impjieg għal sena. Dawn l-impjiegi mhumiex biss fil-gaming u setturi simili, iżda jestendu wkoll għal-lukandi, bejgħ bl-imnut, manifattura u setturi oħra li jfornu prodotti u servizzi lill-avveniment u lill-parteċipanti tiegħu”, qal Pulis.
L-impatt qed jinħass ukoll fuq is-settur tat-turiżmu. Viżitaturi barranin għall-avveniment f’Novembru, okkupaw aktar minn 60% tas-sodod ta’ 4 u 5 stilel f’Malta matul iż-żjara tagħhom. Dan matul xahar meta l-okkupanza medja tkun ta’ madwar 40%. Barra minn hekk, SiGMA Malta 2019 ġġenerat kemm mill-avveniment kif ukoll min-nefqa tat-turisti €6 miljun f’valur miżjud, ekwivalenti għal 0.05% tal-valur miżjud totali għall-ekonomija tal-pajjiż.
L-istatistika tafferma wkoll li ditti li kienu jinsabu f’Malta f’setturi assoċjati mal-avveniment tas-SiGMA, fl-2019, ġġeneraw direttament €194 miljun f’valur miżjud għall-ekonomija ta’ Malta, ekwivalenti għal 7% tal-Valur Miżjud dirett tas-setturi rilevanti.
Il-Fundatur tas-SiGMA, iddeskriva l-viżjoni internazzjonali tal-kumpanija għas-sena 2023, billi jara linja solida ta ‘summits ippjanati li jsiru madwar 5 kontinenti.
F’Jannar 2023 SiGMA Group se jorganizza l-ewwel avveniment tagħhom maħsub għal SiGMA Africa fil-Kenja. Il-kumpanija se tkun qed tmur ukoll lejn l-Etjopja biex tinawgura l-bini ta’ skola primarja ġdida għal 700 student, li kien wieħed mill-proġetti prijoritarji tal-Fondazzjoni SiGMA din is-sena.
Eman Pulis ħabbar kif fi Frar 2023, is-SiGMA, sejra fl-ispazju hekk kif is-SiGMA qed tappoġġja The Maleth Project III – it-tielet missjoni ta’ riċerka fil-bijoxjenza spazjali ta’ Malta.
F’Marzu, is-SiGMA Emirates se tkun qed issir f’Dubaj. Avveniment li minn 1,000 delegat f’4 snin diġà laħaq id-9,000 delegat. Fir-rebbiegħa, SiGMA Americas se ssir fil-Brażil, pajjiż kollu lest biex jagħmel it-talba tiegħu bħala ċentru għall-industrija tal-logħob tal-LatAm.
Fis-Sajf SiGMA Asia se tkun organizzata f’Manila, il-Filippini, segwita minn SiGMA Balkans f’Limassol Cyrpus, li jagħlaq is-sena b’SiGMA Europe f’Malta.
L-organizzazzjoni espandiet f’territorji intraprenditorjali ġodda bit-twaqqif ta’ fond ta’ risk capital imsejjaħ kigai Ventures, fejn il-kumpanija qed tinvesti f’fundaturi kbar u tinvesti f’ideat sħaħ li jiffokaw fuq logħob, esports, betting, fintech, blockchain, AI., u teknoloġija oħra. Ġie ġġenerat finanzjament ta’ €20 miljun, b’nofs il-fond diġà ġie impenjat mill-iskjerament tiegħu fl-2021.