Friday, May 8, 2026

Silenzju u Sfidi: Is-Saħħa Mentali tal-Irġiel, l-Istigma u l-Pressjonijiet tal-Familja f’Malta

- Tikteb Vania Agius Tabone

Aqra wkoll

Is-saħħa mentali tal-irġiel hija kwistjoni dejjem aktar importanti kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll f’Malta, iżda għadha ma tingħatax biżżejjed attenzjoni u ħafna drabi tibqa’ marbuta ma’ stigma u nuqqas ta’ fehim. Evidenza turi li l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali huma relattivament komuni fil-pajjiż, b’madwar 120,000 persuna jesperjenzaw xi forma ta’ diffikultà fis-saħħa mentali f’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn nofs miljun.

Madankollu, l-irġiel huma rrappreżentati b’mod sproporzjonat fl-aktar każijiet serji. Statistik recenti juru li minn 28 każ ta’ suwiċidju rreġistrati, 25 kienu irġiel, filwaqt li dejta preċedenti tindika li sa 80% tal-imwiet b’suwiċidju f’Malta jaffettwaw irġiel. Dawn iċ-ċifri jindikaw differenza ċara bejn is-sessi u jissuġġerixxu li ħafna irġiel jistgħu jkunu qed ibatu fis-skiet.

Fattur ewlieni li jikkontribwixxi għal din is-sitwazzjoni huwa l-istigma. L-aspettattivi kulturali fis-soċjetà Maltija, bħalma jiġri f’ħafna pajjiżi oħra, ħafna drabi jinkoraġġixxu lill-irġiel biex jidhru b’saħħithom, indipendenti u kontrollati emozzjonalment. Dan jagħmilha diffiċli għalihom biex jitkellmu b’mod miftuħ dwar diffikultajiet mentali jew biex ifittxu għajnuna professjonali.

Ir-riċerka turi b’mod konsistenti li l-istigma tibqa’ ostaklu kbir għall-għajnuna, b’ħafna jibżgħu li jiġu meqjusa bħala dgħajfa jew inkapaċi. Din il-pressjoni biex ma jurux vulnerabbiltà spiss twassal biex l-irġiel jdewmu jew jevitaw li jfittxu għajnuna.

Dawk li huma l-aktar probabbli li jfittxu servizzi ta’ saħħa mentali huma ġeneralment irġiel iżgħar, persuni b’livell ogħla ta’ edukazzjoni, jew dawk li diġà esperjenzaw diffikultajiet psikoloġiċi severi. Min-naħa l-oħra, irġiel akbar fl-età huma inqas inklinati li jfittxu għajnuna, ħafna drabi minħabba normi tradizzjonali u profondi dwar il-maskulinità.

Irġiel li għandhom netwerk soċjali b’saħħtu jew li ġew esposti għal kampanji ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali huma aktar probabbli li jfittxu appoġġ minn dawk li huma iżolati soċjalment.

Is-saħħa mentali tal-irġiel hija influwenzata minn taħlita ta’ fatturi soċjali u ekonomiċi. L-aspettattiva li l-irġiel għandhom ikunu l-provedituri, protetturi u emozzjonalment reżiljenti toħloq pressjoni sinifikanti fuqhom. L-inċertezza ekonomika, l-instabbiltà fix-xogħol u r-responsabbiltajiet finanzjarji jistgħu jżidu l-istress, l-ansjetà u d-depressjoni.

Fl-istess ħin, l-irġiel huma inqas inklinati li jesprimu d-diffikultajiet emozzjonali tagħhom, li jista’ jwassal għal stress internalizzat jew għal imġiba bħal użu ta’ sustanzi jew irritabilità. B’hekk, il-problemi tas-saħħa mentali ħafna drabi jibqgħu mhux rikonoxxuti jew interpretati ħażin.

Ir-rwol tradizzjonali tal-“breadwinner” għadu jsaħħaħ dawn il-pressjonijiet f’ħafna familji f’Malta. L-irġiel spiss iħossu responsabbiltà qawwija li jipprovdu finanzjarjament. Din il-pressjoni tista’ tiżdied b’mod partikolari waqt bidliet importanti fil-ħajja, bħalma huwa l-wasla ta’ tarbija.

Meta sieħba tnaqqas il-ħin tax-xogħol tagħha, tieħu leave bla ħlas jew toħroġ temporanjament mix-xogħol biex tieħu ħsieb it-tfal, l-irġiel jistgħu jħossu aktar pressjoni finanzjarja. Dan spiss iwassal għal sigħat itwal ta’ xogħol, stress akbar u bilanċ aktar dgħajjef bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Għalhekk, il-perjodu tal-paternità jista’ jkun wieħed partikolarment vulnerabbli għas-saħħa mentali tal-irġiel.

Minkejja dawn il-pressjonijiet, ħafna missirijiet jesperjenzaw sodisfazzjon profond fil-paternità u jibnu rabtiet emozzjonali b’saħħithom ma’ wliedhom. Madankollu, ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u finanzjarji jistgħu xi kultant jillimitaw il-ħin mal-familja, li jista’ jwassal għal sens ta’ ħtija jew distanza emozzjonali.

Filwaqt li r-rwoli tradizzjonali spiss jpoġġu lill-missier bħala l-dak li jipprovdi ghall-familja, qed naraw bidla gradwali lejn missirijiet aktar involuti u emozzjonalment preżenti fil-ħajja ta’ wliedhom.

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi hemm bżonn ta’ azzjoni fuq diversi livelli. It-tnaqqis tal-istigma huwa kruċjali, speċjalment permezz ta’ kampanji ta’ edukazzjoni li jinkoraġġixxu lill-irġiel jitkellmu b’mod miftuħ dwar is-saħħa mentali u li jwessgħu l-kunċett tal-maskulinità biex jinkludi wkoll l-espressjoni emozzjonali.

Il-postijiet tax-xogħol jistgħu wkoll ikollhom rwol importanti billi jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, joffru arranġamenti flessibbli u jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għas-saħħa mentali. Fl-istess ħin, is-servizzi tas-saħħa għandhom jiżguraw li l-appoġġ ikun aċċessibbli, mhux ġudikanti u mfassal ukoll biex jattira lill-irġiel.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li jkun hemm appoġġ speċifiku waqt stadji kruċjali tal-ħajja bħall-paternità. Programmi ta’ parenting, konsulenza u appoġġ komunitarju jistgħu jgħinu lill-irġiel jadattaw għal dawn ir-responsabbiltajiet ġodda b’mod aktar b’saħħtu u bilanċjat.

Billi jiġu indirizzati kemm l-aspettattivi kulturali kif ukoll il-pressjonijiet strutturali, jista’ jitjieb b’mod sinifikanti l-benesseri mentali tal-irġiel u tinħoloq soċjetà fejn li wieħed ifittex l-għajnuna jitqies bħala sinjal ta’ saħħa, mhux ta’ dgħjufija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport