Fil-Mellieħa l-PL u l-PN tellgħu erba’ siġġijiet kull wieħed f’Kunsill Lokali . Hawnhekk intrebaħ siġġu minn kandidat indipendenti u allura s-Sindikat jiġi deċiż f’laqgħa tal-Kunsill.
Aktar kmieni:Għall-Kunsill Lokali tax-Xewkija ġew eletti Simona Refalo li se tkun Sindku, Paul Azzopardi u George Zammit f’isem il-Partit Laburista filwaqt li Josef Charles Hili u Jeanelle Attard ġew eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista ġab 58.91% tal-voti, il-Partit Nazzjonalista ġab 33.27% filwaqt li l-kandidati indipendendi ġabu 7.82% tal-voti.
Il-Kunsill tal-Qrendi se jkun fih 5 kunsilliera, 3 f’isem il-Partit Laburista u tnejn f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-kandidati eletti huma: David Michael Schembri, David Michael, Anthea Sacco, Marion Parnis f’isem il-PL filwaqt li f’isem il-PN ġew eletti Karmenu Farrugia u Nina Skye Briffa.
Joseph Abela Galea reġa ġie kkonfermat Sindku ta’ Ħal Tarxien, fejn se jkun imexxi Kunsill f’isem il-Partit Laburista.

Aktar kmieni: Olaf McKay se jkun is-Sindku l-ġdid tal-Belt Valletta. Din il-lokalità wkoll se tkun qiegħda titmexxa mill-Partit Laburista.

Luke Farrugia ġie elett Sindku tal-Marsa.

Il-Kunsill tal-Qrendi se jkun qed jitmexxa minn maġġoranza Laburista, b’David Michael Schembri se jerġa’ jservi bħala Sindku.

Ġie kkonfermat ukoll li ż-Żurrieq intrebaħ mill-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista rebaħ mill-ġdid Pembroke bi Kaylon Zammit jiġi elett bħala Sindku.

Birżebbuġa wkoll intrebaħ mill-Partit Laburista fejn Scott Camilleri se jkun is-Sindku. Fl-istess waqt hemm l-ewwel indikazzjonijiet li San Pawl il-Baħar intrebaħ mill-Partit Nazzjonalista.

Max Zammit ġie elett bħala Sindku Tax-Xbiex fejn hemm ukoll se jkun qiegħed jitmexxa mill-Partit Laburista.

Daniel Attard mill-ġdid reġa’ ġie kkonfermat bħala s-Sindku tal-Għasri fejn se jknu qiegħed imexxi kunsill f’isem il-Partit Laburista.
Il-PL f’dan il-kunsill ġab kważi 65%.

Aktar kmieni: Il-Kunsill Lokali tal-Fontana se jkun magħmul minn Thomas Mizzi bħala Sindku, Mercieca Joseph, Mizzi Ivana kollha f’isem il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li f’isem il-Partit Laburista ġew eletti Horace Micallef u Carmelo Micallef.
F’din il-lokalità il-Partit Nazzjonalista ġab 51.65%, il-Partit Laburista 38.85% filwaqt li l-kandidat Indipendent ġab 9.5%.
Għajnsielem: Kevin Cauchi mill-ġdid reġa’ ġie kkonfermat fil-kariga ta’ Sindku. Din il-lokalità ntrebet mill-Partit Nazzjonalista.
Ħad-Dingli: Raymond Schembri elett bħala Sindku, Miguel Abela, Ryan Tanti f’isem il-Partit Laburista u Jean Paul Barbara, Jean-Toin Magri f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Jista’ jiġi kkonfermat li Pembroke se jkollu sindku ġdid lil Kaylon Zammit.

Aktar kmieni: Simona Refalo ġiet eletta bħala Sindku tal-Lokalità tax-Xewkija. Din il-lokalità wkoll intrebħet mill-Partit Laburista.

Il-Lokalità ta’ Ħad-Dingli ntrebħet mill-Partit Laburista. Is-Sindku elett huwa Raymond Schembri

Aktar kmieni: Il-Lokalità tal-Imqabba ntrebħet mill-Partit Laburista. Din id-darba s-Sindku elett hija Mary Grace Zerafa

Aktar kmieni: Il-Lokalità tal-Fontana ntrebħet mill-Partit Nazzjonalista. Din id-darba s-Sindku Saviour Borg ħareġ indipendenti minflok f’isem il-PN.

Thomas Mizzi mistenni jkun is-Sindku l-ġdid tal-lokalità tal-Fontana.
Aktar kmieni: Il-Lokalità tal-Għasri jidher li ntrebħet mill-Partit Laburista għall-ewwel darba. L-ewwel indikazzjonijiet juru li l-Partit Laburista ġab 216-il vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 147 voti.
Jidher li ngħalqet ukoll il-lokalità tal-Fontana u anke dik tax-Xewkija.

Kollox qiegħed jindika li n-Nadur Għawdex intrebaħ mill-Partit Nazzjonalista filwaqt li l-Belt Valletta u Tax-Xbiex intrebħu mill-Partit Laburista.
Aktar kmieni: Ftit tal-minuti ilu bdew jintwerew il-voti lill-aġenti tal-partiti u anke lill-kandidati nfushom. Dan il-proċess kien mistenni li jibda għall-ħabta tal-5.00pm, iżda l-proċess mexa b’ritmu mgħaġġel u għalhekk ġiet avanzata siegħa.

Minn issa ‘l quddiem jibda jkollna l-ewwel riżultati fosthom dawk tal-iżgħar lokalitajiet. Dan hekk kif jintwerew il-voti kollha jibdew jiġu skenjati u ftit tal-minuti wara jkollna l-ewwel riżultati.

Il-voti dubjużi jew li huma ċari li ġew imħassrin qegħdin jitwarbu mill-bqija tal-voti validi.
Aktar kmieni: L-għadd tal-voti mistenni li jibda għall-ħabta tal-5.00pm
Il-proċess tal-ftuħ tal-kaxxi u anke l-mod kif qegħdin jitpoġġew wiċċhom ‘l isfel miexi b’rittmu mgħaġġel. Kollox qiegħed jindika li għall-ħabta tal-5.00pm il-voti jibdew jintwerew lill-aġenti tal-partit u anke lill-kandidati. Wara dawn jibdew jiġu skenjati.
Il-lokalitajiet iż-żgħar mistennija li jkun magħruf ir-riżultat tagħhom wara ftit tal-ħin filwaqt li lokalitajiet kbar ir-riżultat mistenni jitħabbar għall-ħabta tat-8.00pm.
Jidher li l-proċess kompla javanza tant li l-ħin x’ħin se jibdew jintwerew il-voti se jkun għall-ħabta tal-4.00pm
Aktar kmieni: Jibdew jinfetħu l-kaxxi tal-voti tal-Kunsilli Lokali

Għadhom kemm bdew jinfetħu l-kaxxi tal-voti tal-Kunsilli Lokali u qegħdin jitpoġġew wiċċhom ‘l isfel. B’hekk hemm 13-il mejda li fuqhom se jkun qiegħed isir l-għadda tal-voti.
It-turnout għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2024 kienet ta’ kien ta’ 59.47%.

Diversi aġenti tal-partiti u anke kandidati nfushom jinsabu bil-lest biex hekk kif jibda l-għadd ikunu minn ta’ quddiem biex jaraw kif tkun sejra l-lokalità.
Illum għandhom jiġu eletti 155 Kunsillier. Fuq medda ta’ 3 ijiem, iridu jiġu eletti 471 kunsillier f’67 lokalità. B’kollox hemm 53 lokalità f’Malta u 14 f’Għawdex.
Aktar kmieni: Dalwaqt jibda’ l-għadd tal-voti għal 23 lokalità
Ftit tal-ħin ieħor se jkun qiegħed jibda l-proċess tal-għadd tal-voti għal 23 lokalità. Fil-fatt illum se jsir l-għadd tal-ewwel terz ta’ lokalitajiet liema proċess imbgħad jitkompla għada u l-Ġimgħa.
Il-voti se jkunu qegħdin jitpoġġew wiċċhom ‘l isfel u meta jkun lest dan il-proċess jibdew jintwerew lill-aġenti tal-partit, lill-kandidati nfushom u anke jgħaddu għall-iscanning.
Hemm lokalitajiet li l-proċess tagħhom se jkun mgħaġġel ħafna minħabba li ma hemmx ħafna voti. Fosthom hemm l-Għasri u l-Fontana Għawdex, filwaqt li oħrajn bħal San Pawl il-Baħar il-proċess mistenni li jieħu xi ftit sigħat mhux ħażin.
Aktar kmieni: Illum jiġu eletti l-kunsillieri ta’ 23 lokalità
Għall-ħabta tas-2.00pm, is-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar illum terġa’ tieħu l-ħajja wara li nhar il-Ħadd sar l-għadd tal-voti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, illum jibda l-għadd ta’ 23 lokalità biex jiġu eletti kunsillieri ġodda.
Il-lokalitajiet li fihom illum se jsir l-għadd tal-voti huma: Birżebbuġa, San Ġiljan, Tarxien, Iklin, Żurrieq, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, Santa Venera, Għajnsielem, Mellieħa, Pembroke, Żejtun, Imqabba, Qrendi, Valletta, Ħaż-Żebbuġ, Nadur, Marsa, Fontana, Balzan, Dingli, Għasri u Xewkija.
Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġorna b’mod kontinwu dak li jkun għaddej fis-Sala tal-Għadd tal-voti kif ukoll se nkunu qegħdin inwasslu l-aħħar riżultati u l-kandidati li jkunu ġew eletti.