Tuesday, May 14, 2024

Sindku fi Franza jgħid li dawk li wettqu l-irvellijiet “ma jibżgħux mill-ġustizzja”

Aqra wkoll

Is-Sindku ta’ Neuilly-sur-Marne stqarr li ma raqadx aktar minn tliet sigħat minn meta bdew l-irvellijiet fi Franza l-ġimgħa li għaddiet.

Binhar, Zarthoshte Bakhtiari huwa s-Sindku ta’ wieħed mill-aktar żoni fqar fi Franza, li tinsab fil-Lvant ta’ Pariġi. 

Billejl, huwa jkollu joqgħod għassa fit-toroq ma’ ħaddiema oħra u kunsilliera sal-4.00 jew il-5.00 ta’ filgħodu sabiex f’każ li jkun hemm l-irvellijiet jinforma lill-pulizija. 

“Fi żmien ftit jiem, konna fl-infern,” qal Bakhtiari meta kien qed jitkellem mal-midja internazzjonali. Matul il-jum tal-lum huwa mistenni jmur ukoll fil-Palazz ta’ Élysée flimkien ma’ aktar minn 200 sindku ieħor biex jiddiskutu l-kriżi mal-President Franċiż Emmanuel Macron.

It-talba tiegħu hija li jkun hemm aktar saħħa mill-istat u li jkun hemm permess għall-pulizija lokali tal-belt sabiex tuża drones biex timmoniterja l-attività li tkun qiegħda sseħħ.

“Dak li qed jiġri huwa r-riżultat ta’ snin ta’ dgħufija mill-politiċi u deċiżjonijiet li ma tteħdux,” huwa qal. “Hija problema ta’ awtorità għax dawk li jwettqu l-irvellijiet ma jibżgħux mill-ġustizzja. Jistgħu jmorru l-Qorti, iżda jiġu lura d-dar wara ftit sigħat li jinstema’ l-każ tagħhom. Dan għaliex m’għandniex biżżejjed post fil-ħabs f’dan id-distrett ta’ Pariġi. Ma nistgħux nappoġġjaw din it-tip ta’ dgħufija mill-istat.”

Fuq barra tal-uffiċċju tiegħu fil-muniċipju hemm ħajt kollu maħruq tal-għassa tal-pulizija tal-belt lokali. “Huma kienu qabżu minn fuq dan il-ħajt fis-1.00 a.m. b’jerrycan tal-petrol.”

Iżda l-bini kellu wkoll miegħu d-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Pubblika, li jsib djar għal madwar 2,300 ruħ lokali. Fuq ġewwa, l-uffiċċju kien kollu rmied. Jidher ukoll li mhux il-files kollha kienu laħqu ġew diġitalizzati. Dan wassal biex id-dettalji ta’ ħafna minn dawk li kienu qed ifittxu akkomodazzjoni ġew maħruqa.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Housing Laurence Tendron Brunet qal: “ninsab imdejjaq ħafna. Se nibnu mill-ġdid. Se nerġgħu nibdew. Imma bħalissa hemm nies li huma tant iddisprati għall-akkomodazzjoni. Naf madwar nofshom, li meta jċemplu nagħraf leħinhom. Dawn mhumiex sempliċiment files, imma bnedmin.”

Min-naħa tiegħu, is-Sindku Bakthiari qal li dawk li taw in-nar lill-binja kienu nqabdu fuq kameras tas-sigurtà u mill-filmati jidhru li huma adoloxxenti fl-età ta’ bejn l-14 u s-16-il sena. 

Sport