Saturday, December 21, 2024

Sindku jew Viċi ta’ 16-il sena

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew fost is-suġġetti topiċi l-aktar mitkellma u diskussi kien hemm id-deċiżjoni tal-Gvern li jemenda l-liġi konċernata fir-rigward tal-formazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Dak propost mill-Gvern huwa li żgħażagħ ta’ bejn 16 u 17-il sena se jkunu jistgħu jokkupaw il-kariga ta’ Sindku jew Viċi Sindku tal-lokalità mnejn jiġu eletti.

Il-punt ta’ tluq dwar din id-deċiżjoni għandu jkun li din l-aħbar mhix sajjetta fil-bnazzi. Punt 970 tal-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2022 bit-titlu ‘Rappreżentanza effettiva fil-kunsilli lokali’ jgħid hekk: Il-Vot 16 kien pass kbir ‘il quddiem u dikjarazzjoni ċara ta’ fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Barra li jikkandidaw ruħhom għall-elezzjonijiet lokali, iż-żgħażagħ għandhom ukoll il-kapaċità li jmexxu. Se nagħmlu emendi legali sabiex il-kariga okkupata minn kunsilliera eletti taħt it-18-il sena verament tkun tirrifletti l-fiduċja tal-votanti u b’hekk ikunu jistgħu jokkupaw il-karigi ta’ sindku u viċi sindku.’

Fi ftit kliem, il-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali. Xejn iżjed u xejn inqas. Ikun qed jonqos jekk ma jwettaqx dak li jkun wiegħed.

Intqal, u nemmen li għad irid jintqal aktar, dwar jekk persuna ta’ bejn 16 u 18-il sena taspirax maturità għal tmexxija ta’ lokalità. Narah stramb l-argument ta’ min ikun lest li żgħażagħ ta’ dik l-età jaċċettahom jikkontestaw bil-possibiltà li jiġu eletti imma li mbagħad ma jaċċettax li dawn jingħataw kariga. Ngħid hekk għax la darba persuna ta’ din l-età ġiet eletta jkun ifisser li tkun ingħatat il-poter li anke jekk mhux fil-kariga ta’ Sindku jew Viċi, xorta se tkun qed tiddeċiedi bil-vot tagħha fil-kunsill.

Hemm imbagħad il-punt, fl-opinjoni tiegħi l-aqwa punt, li għandha tkun rispettata d-deċiżjoni tal-elettorat. Jekk l-elettorat ta’ lokalità jiddeċiedi li l-ogħla ammont ta’ voti jingħata lil persuna ta’ bejn 16 u 18-il sena li l-partit li jirrappreżenta jkun kiseb il-maġġoranza ta’ siġġijiet, int min int biex tmur kontra r-rieda tal-maġġoranza? X’demokrazija tkun din? L-iżjed li tkun tista’ tgħid hu li fl-opinjoni tiegħek, u strettament fl-opinjoni tiegħek, l-elettorat tal-lokalità konċernata ma weriex maturità fl-għażla tiegħu. Li wara kollox lanqas ma jfisser li int ikollok raġun. L-għażla tal-vot hija dejjem f’idejk. Tista’ lil dak iż-żagħżugħ/a ma tagħtihx l-ewwel preferenza. Tista’ wkoll li filwaqt li tagħżel lill-partit li jkun qed jirrappreżenta, lilu jew lilha partikolari tħallih barra.

Tul is-snin li ili insegwi x-xena politika lokali rajt mhux wieħed jew tnejn ta’ etajiet ferm akbar minn 16-il sena li għall-fatt biss jikkontestaw kienu jpoġġuli għajnejja wara widnejja.

Ma nafx, u ma rridx noħloq polemika, lili personali aktar idejjaqni l-fatt li fil-Parlament spiċċajna b’numru ta’ Membri Parlamentari nisa li fil-verità ma kellhomx il-fiduċja tal-elettorat tad-distretti li kkontestaw. Qed ngħid hekk mhux għax nisa, għax għalija l-Membri Parlamentari jistgħu jkunu kollha nisa, basta jkunu telgħu kif jgħidu l-Ingliżi “on their own steam”. U mhux għax ingħataw palata biex ikun hemm tqarrib lejn xi forma ta’ ugwaljanza. Jiddispjaċini, imma ma naqbilx.

Ma naqbilx għax ma narahx li huwa ġust li lil min l-elettorat ikun għażlu direttament biex imexxilu l-lokalità tiegħu tipprova ċċaħħdu minn dan id-dritt filwaqt li lil min l-elettorat ma jkunx wera fiduċja fih tinjora dik id-deċiżjoni u timponih fil-Parlament sempliċiment għax mara. Nisa li l-elettorat ried juri fiduċja fihom kellna u sehemhom tawh bil-kbir.

Madankollu dik kienet wegħda elettorali oħra tal-Partit Laburista u għamel sewwa, u kif mistenni, u wettaqha. Hekk taħdem id-demokrazija. Ir-rieda tal-maġġoranza tkun rispettata. Int li ma tkunx taqbel jitħallilek id-dritt li tibqa’ ma taqbilx.

Sadattant l-isbaħ xewqat lil dawk iż-żgħażagħ ta’ bejn l-età ta’ bejn 16 u 18-il sena li se jersqu ‘l quddiem għall-elezzjonijiet li jmiss tal-kunsilli lokali.

Kurżità dwar Wenzu Mintoff u Pawlu Borg Olivier

Waqt li ftit tal-ġimgħat ilu kont qed inqalleb biex sibt l-artiklu li kont ktibt dwar l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona wara r-riżenja tiegħu minn Arċisqof, iltqajt ma’ ħaġa oħra li kont ktibt din id-darba dwar l-Imħallef Wenzu Mintoff u l-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier.

Fil-ħarġa tal-gazzetta ‘l-orizzont’ tal-Ħamis, 24 ta’ Novembru 2016 kont ktibt hekk: “Dak irrapportat minn ‘The Malta Independent’ nhar it-Tnejn li għadda u kwotat hawn fuq fakkarni fir-reazzjoni tal-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista l-Avukat Pawlu Borg Olivier għall-ħatra tal-Imħallef Wenzu Mintoff. (Wenzu Mintoff kien inħatar Imħallef fil-15 ta’ Lulju 2014).

L-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kien ġie rapportat li qal, u li safejn naf jien qatt ma ċaħad, li hu ma kienx lest iservi f’kawżi li jkun qiegħed jisma’ l-Imħallef Mintoff, sempliċiment għax dan kien għamel żmien jimmilita, jokkupa karigi fi ħdan il-Partit Laburista u anke kien Deputat Parlamentari Laburista.”

Għandi kurżità dwar din l-attitudni ta’ Pawlu Borg Olivier. Għadu deċiż li ma jservix f’kawżi preseduti mill-Imħallef Wenzu Mintoff? Jista’ Pawlu Borg Olivier jgħidilna kemm-il okkażjoni kellu fejn irrifjuta li jservi f’kawżi bħal dawn? Jista’ jgħidilna għandux fiduċja fl-integrità tal-Imħallef Wenzu Mintoff?

Ekonomija

Sport