Friday, April 26, 2024

Sirjan li kien akkużat b’terroriżmu b’rabta mal-ISIS jingħata pleġġ 

Aqra wkoll

Sirjan li kien tressaq il-Qoti, akkużat b’terroriżmu b’rabta mal-organizzazzjoni ISIS ingħata l-pleġġ mill-Maġistrat Nadine Sant Lia. 

Ajil Al Muhsen kien wieħed mill-akkużati li ġew arrestati f’April li għadda. Fil-Qorti rriżulta li numru ta’ Sirjani bdew jippubblikaw diversi messaġġ fuq il-mezzi soċjali li jirrelataw mat-terroriżmu Jihadist.

Ajil Al Muhsen, Khalil Al Mahmoud u Adnan Maashi ta’ 21 sena,, Yazan Abduklaziz 26, Ahmed Kadas 25, Ahmed Ahmed 27, u Mohammed Mohammed ta’ 24 sena, li kollha huma mis-Sirja, kienu tressqu l-Qorti nhar il-Ħadd 30 ta’ April fuq numru kbir ta’ akkużi relatati mat-terroriżmu.

Huma kienu ġew arrestati l-ġurnata ta’ qabel wara investigazzjoni mill-awtoritajiet Maltin, li aktar tard kienet tinvolvi wkoll lill-Europol. Huma ġew akkużati li qassmu materjal immirat biex jinċita atti ta’ terroriżmu u li kienu se jirċievu u jipprovdu taħriġ dwar l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi speċifikament għal skopijiet relatati mat-terroriżmu.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-Ajil Al Muhsen, fuq depożitu ta’ €10,000, garanzija personali ta’ €30,000 u fuq diversi kundizzjonijiet. Ġie mitlub sabiex jiffirma darbtejn kuljum fl-Għassa u sabiex ikun osserva minn probation officer.  

L-Ispetturi Jeffrey Cutajar u Jean Paul Attard qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Antoine Agius Bonnici, Francesco Refalo u Rebeca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Għall-akkużati, qed jidhru l-avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb, Robert Galea u Alicia Borg huma l-avukati difensuri.

Sport