Tuesday, December 24, 2024

Sirjan mixli li stupra mara li kienet f’relazzjoni miegħu

Aqra wkoll

Qasem Saleh, Sirjan ta’ 20 sena residenti l-Fgura, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li stupra mara fil-Belt Valletta, li kienet f’relazzjoni miegħu. Huwa kien mixli wkoll li żammha kontra l-volontà tagħha u li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura gravi.

L-allegat każ seħħ fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu fi Triq il-Mediterran xħin il-Pulizija kienet irċeviet rapport dwar allegat stupru. Kienet fil-fatt l-allegata vittma li kienet fuq il-linja mal-pulizija. 

Hija qaltilhom li kienet fil-baħar għax kienet qed tipprova taħrab mill-allegat abbuż fiżiku u sesswali li seħħ u kien għadu qed iseħħ fuqha.  

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn sabet lill-allegata vittma li kienet għadha fil-baħar filwaqt li lill-imputat arrestatu fuq il-post.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex safejn possibli x-xhieda pajżana jixhdu fl-ewwel seduti ta’ din il-kumpilazzjoni. 

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Shaun Azzopardi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjun mill-Ispetturi John Spiteri u Kevin Pulis. L-Avukat Mario Mifsud deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport