Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar sistema ġdida bla ħlas għall-kaċċaturi u n-nassaba sabiex jirrappurtaw il-qbid tal-għasafar. F’konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat kif din tikkonsisti f’sistema telefonika awtomatika bla ħlas li toffri gwida faċli billi wieħed isegwi l-istruzzjonijiet li jigwidaw kif isir ir-rapport.
Il-Ministru qal kif din is-sena l-gvern nieda sistema ġdida bla ħlas li permezz tagħha l-kaċċaturi u n-nassaba liċenzjati se jkunu jistgħu faċilment jirrappurtaw il-qbid tal-għasafar u d-dati li fihom ħarġu għall-kaċċa jew l-insib waqt l-istaġuni miftuħa, skont l-obbligi legali marbuta mal-liċenzji, skont ir-raba’ Skeda tal-Leġislazzjoni Sussidjarja dwar l-għasafar selvaġġi u regolament tal-Leġislazzjoni Sussidjarja dwar il-fenek selvaġġ. Kien hawn li elenka kif dan kollu jibni anke fuq is-suċċess tas-sistema telefonika tar-rappurtar tal-qbid introdotta fl-2014.
Il-Ministru Camilleri spjega li, “Għal dawk il-kaċċaturi u n-nassaba li jagħmlu użu minn smartphone, tħejjiet ukoll il-mobile app ‘Game Reporting MT’, li titniżżel bla ħlas minn l-App Store jew Google Play. Is-sistema telefonika u l-mobile app se jkunu qed jinkludu wkoll obbligu ta’ rappurtar ġdid; id-dati li fihom wieħed ħareġ jikkaċċja jew jonsob avolja ma jkun qabad xejn, hekk imsejħa hunting effort.”
Intant, il-kap tat-taqsima tad-WBRU Richard Lia qal li tajjeb li wieħed jispjega li, għalkemm hemm ’il fuq minn 10,000 kaċċatur liċenzjat u 4,000 nassab liċenzjat, hemm min jaħseb li dawn ikunu kollha jikkaċċjaw jew jonsbu matul l-istaġun kollu. Il-hunting effort huwa bżonnjuż biex nikkonfermaw il-fatt li dan mhux minnu, u assolutament mhux biex jitnaqqsu, bl-ebda mod, xi dati tal-istaġuni. Din l-informazzjoni hija essenzjali għall-awtoritajiet tal-gvern biex ikunu jistgħu jippreparaw rapporti xjentifiċi li huma fattwali u li verament jirriflettu s-sitwazzjoni lokali tal-kaċċa u l-insib fil-gżejjer tagħna.
B’hekk, tkun qed tintwera bil-fatti informazzjoni diretta mingħand il-kaċċatur u n-nassab, fejn din tissarraf direttament għall-ġid tad-delizzju.
In-numru l-ġdid, li se jkun aċċessibbli biss mill-kaċċaturi u n-nassaba liċenzjati, huwa 8000 2020.