Thursday, April 18, 2024

Il-kap tal-kapijiet tal-Mafja ta’ Sqallija

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Minkejja li f’dawn l-aħħar snin, il-Mafja ta’ Sqallija bħal donna sparixxiet mill- aħbarijiet, il-biża’ tal- poplu Taljan minnha għadha parti integrali tal-ħajja tat-Taljani. Kull aħbar li tikkonċerna lill-Mafja tkun segwita bi prominenza kbira. Hekk gara’ fit- 18 ta’ Awwissu li għadda meta il-Qorti tal-belt ta’ Caltanisetta, li tinsab fil-qalba ta’ Sqallija, ppublikat il-verbal ta’ sentenza ta’ għomor il-ħabs li ngħatat lil Matteo Messina Denaro, l-kap attwali tal-Mafja ta’ Sqallija.

Kif juri dan il-verbal, minkejja li Messina Denaro addotta strateġija kompletament differenti minn dik ta’ attakk frontali fuq l-istat li konna mdorrijin biha fi żmien Toto’ Riina, dan il-kriminal li ilu jiġi mfittex mill-forzi tal-ordni Taljani sa mill-1993,  huwa tal-istess kalibru ta’ Riina fejn tidħol il- krudeltà u l-perikolożita tiegħu.

Is-sentenza

Dan il-ġuri li sar mingħajr il-preżenza tal-akkużat minħabba li kif diġa’ għedna ħadd ma jaf fejn hu, ma kienx l-ewwel wieħed li kkundanna lil Matteo Messina Denaro għal għomru fil-ħabs. Dan il-ġuri kien jikkonċerna l-irwol ta’ Matteo Messina Denaro fil- qtil tal-Imhallef Falcone fil-belt Siciljana ta’ Capaci u tal-imħallef Borsellino f’Via D’ Amelia, ġewwa Palermo,  lura fl-1992. 

Mid-dokumenti li ġew ippubblikati joħroġ biċ-ċar li Matteo Messina Denaro kien wieħed mill-membri talhekk imsejħa Super Cosa li kien kumitat tal-kapijiet mafjużi ewlenin ta’ Sqallija li kien ġie iffurmat minn Toto Riina lejn l-aħħar tas-snin tmenin u l- bidu tas-snin disgħin sabhiex imexxi l-ġlieda tal-mafja kontra l-istat. Dan il-kumitat kien saħansitra aktar b’sħħtu mill-famuża kummissjoni mafjuża. Din is-sentenza sabet lil Messina Denaro bħala ħati ta’ kollaborazzjoni ma’ Riina fl-ippjanar tal-assassinji li semmejna.  

Barra minn dan, il- verbal jgħid li Matteo Messina Denaro kien fdat minn Riina sabiex iwettaq numru ta’ attentati madwar l-Italja kollha sabiex joħloq instabbilità politika. Dawn kienu jinkludu attentati fuq l-ħajja tal-preżentatur popolari Maurizio Costanzo u tal-politiku Claudio Martelli ġewwa Ruma u Milan rispettivament.

Min hu Matteo Messina Denaro?

Matteo Messina Denaro twieled ġewwa t-Trapanese, reġjun fil-punent ta’ Sqallija, fl- 1962. Missieru, Francesco kien il-kap tal-Mafja ta’ Trapani.  Wara snin twal jiġi mfittex mill-forzi tal-ordni, Francesco marad u miet fl-1998. Sabiex ikunu jistgħu jagħmlulu l- funeral, il-familja tiegħu ħallew il-katavru tiegħu quddiem il-bini tal-kunsill lokali tal- belt liebes bil-lest il-libsa li biha kellu jindifen. Mal-mewt ta’ Francesco jew Ciccio kif kien magħruf, Matteo ħa t-tmexxija tal-mafja tal-erbgħa mandamenti jew distretti  tat- Trapanese li jinkudu l-belt ta’ Castelvetrano fejn twieled Matteo, Trapani, Mazara del Vallo u Alcamo.

Matteo kellu stil ta’ ħajja kompletament differenti minn dak ta’ mafjużi tradizzjonali bħal Toto Riina, Bernardo Provenciano u ta’ missieru. Filwaqt li dawn kien jgħixu ħajja modesta ħafna li kienet tixbaħ aktar lil dik ta’ xi gabillot milli lil dik ta’ miljunarji li kienu, Matteo kien iħobb igawdi u jgħix fil-lussu. Kien jilbes ħwejjeg daqs li kieku kien xi negozjant miljunarju u kellu kollezzjoni ta’ karozzi lussużi. Filfatt, il-ġurnali kienu jqabbluh ma’ John Gotti, li kien il-kap tal-familja tal-Gambino, waħda mill-ħames familji mafjużi ta’ New York. Dan tal-aħħar kien magħruf għall-immagini ta’ sinjurun li kien iżomm.  Filwaqt li l-kapijiet tal-mafja tradizzjonali kienu kollha bil-familja, Matteo qatt ma żżewweġ u kien jiġri ma’ ħafna nisa. Filfatt, Lorenza, l-unika wild li għandu, twieldet barra miż-żwieġ. Ta’ min jgħid li tant huwa popolari matTaljani dan Matteo Messina Denaro li meta Lorenza saret omm ftit tal-ġranet ilu, din l-aħbar ingħatat prominenza kbira mill-medja Taljani daqs li kienu Matteo kien xi attur jew xi kantant magħruf li sar nannu.

Il-Mafja ta’ Trapani

Minkejja li l-mafja ta’ Corleone ta’ Toto’ Riina u s-suċċessur tiegħu Bernardo Provencano, hija l-aktar magħrufa, dik ta’ Trapani minn dejjem kienet b’saħħitha ħafna. Tant hu hekk li minna ħarġu saħansitra kapijiet tal-Mafja ta’ New York bħal Joe Bonanno. Tant il-mafjużi ta’ Trapani kienu magħrufin għall-lealtà tagħhom li mhux l- ewwel darba li l-kapijiet tal-familji mafjużi ta’ New York talbu lill-mafja ta’ Trapani sabhiex tibgħatilhom xi nies biex jingħaqdu magħhom fl-attivitajjiet kriminali.

Il-Mafja ta’ Trapani kienet involuta f’ħafna assassinji ta’ mħallfin u anke ġurnalisti li kienu meqjusa bħala għedewwa tagħha. Jingħad li l-mafja ta’ Trapani ma ddejqet xejn toqtol żagħżugħ ta’ għoxrin sena li l-uniku tort li kellu kien li kien qiegħed ‘jisfratta’ lil l-istess Matteo meta dan kien għadu żagħżugħ mid-dmirijiet mafjużi tiegħu minħabba li kien joqgħod iħajru joħroġ miegħu f’postijiet tad-divertiment. Jinghad ukoll li l- mafja ta’ Trapani kienet qatlet ukoll impjegat ta’ stabiliment ta’ divertiment wara li dan kien keċċa l-barra lil Messina Denaro u lil sħabu wara li dawn kien qegħdin jagħmlu ħafna storbju. Forsi l-aktar qtil li kienet akkużata bih il-Mafja ta’ Trapani li kien qajjem furur kien dak ta’ Barbara Rizzo, omm ta’ 31-il sena, u ż-żewġ uliedha tewmin Giuseppe u Salvatore ta’ sitt snin li sfaw imbiċċra meta splodiet karozza bomba intiża sabhiex toqtol lill-imħallef Carlo Palermo li kien ħelisha hafif. Din it-traġedja seħħet fl-1985. Dawn il-povri kienu fil-post ħażin fil-ħin ħażin.

Kif xehed wieħed mill-ex mafjużi ta’ Trapani li kien beda jikkollabora mal-pulizija, Matteo Messina Denaro kemm il-darba kien jiftaħar li tant qatel nies li bil-katavri tagħhom jimla ċimiterju sħi.

Ta’ min jgħid li l-familja Messina Denaro jamministraw mhedded kbar ta’ artijiet ġewwa Trapani u ż-żoni tal-madwar. Dawn l-artijiet jingħad li ttieħdu b’mod illegali mingħand familji sinjuri bħal dik tad-D’ Ali, li ilha snin twal tipprova tiġġieled sabhiex tikseb l-artijiet lura. Huwa propju minħabba l-interess li għandha l-mafja ta’ Corleone f’dawn l-artijiet, kif ukoll minħabba l-involviment tal-Corleonesi fil-mażunerija ta’ Trapani, li minn dejjem kien hemm kollaborazzjoni shiha bejn il-mafja ta’ Corleone u dik ta’ Trapani. Tant huwa hekk li missier Matteo kien l-id il-lemija ta’ Toto’ Riina filwaqt li Matteo kien jikkorispondi b’ mod regolari ma’ Bernardo Provenzano meta dan kien sar il- kap tal- kapijiet tal- mafjuzi Sqallin. Filfatt, meta Provenzano gie arrestat fl- 2006, instabu numru ta’ ittri zghar mimlija elogji ghal certu Alessio, li l- pulizija Taljani huma certi li ma huwa hadd hlief Matteo Messina Denaro. Din il- fiducja li  kellu Provencano f’ Matteo Messina Denaro ssarfet meta Provenciano ta t- tmexxija tal-mafja ta’ Sqallija lil Messina Denaro.

Minkejja li l-forzi tal-ordni ilhom is-snin inaqru naqra naqra l-alleati u l-familjari ta’ Messina Denaro, permezz ta’ numru ta’ arresti mportanti, l-fatt li l-kap tal-kapijiet tal- mafja Siċiljana għadu ma ġiex arrestat huwa umiljazzjoni kbira għall-forzi tal-ordni Taljani, aktar u aktar meta hemm dicerija li huwa għadu jgħix ġewwa Sqallija. Minkejja li l-mafja illum saret taħdem minn taht, ir-regoli tal-omerta’ u ta’ estorsjoni li huma l- modus operandi tal- mafja għadhom jitħaddmu bħal qatt qabel.

Ekonomija

Sport