Sunday, December 22, 2024

Sitt snin ħabs talli ħebb għal Yana Bland Mintoff u binha b’sikkina

Aqra wkoll

Is-sentenza ta’ sitt snin ħabs li kien ingħata Gheorghe Popa, wara li kien instab ħati li f’Ottubru tal-2016 attakka b’sikkina lil Yana Bland Mintoff kif ukoll lil binha Daniel Mainwaring, kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell.

Huwa kien akkużat ukoll li żamm lil Yana Bland Mintoff kontra l-volontà tagħha fejn anke heddidha bil-mewt. Kien akkużat ukoll li fl-istess ġurnata żamm fuqu arma jew oġġett li jaqta’ u bil-ponta mingħajr il-permess tal-pulizija.

Il-Prosekuzzjoni kienet akkużat ukoll lil Popa li fl-istess jum waqt li kien f’Ħal Tarxien ta n-nar lil dar meta fuq ġewwa ma kien hemm l-ebda persuna.

Mill-provi mressqa fil-Qorti jirriżuta li l-akkużat u Yana Bland Mintoff kienu f’relazzjoni u anke kienu jgħixu flimkien. Iżda Popa beda jissuspetta li Bland Mintoff kellha relazzjoni ma’ persuna oħra.

Il-Prosekuzzjoni qalet li qabel ma seħħ il-każ, il-mara kienet talbet lill-akkużat biex jitlaq mid-dar tagħha u dan wara li ġie lura mir-Rumanija. Saħansitra biex żgur ma jibqax jgħix magħha kienet krietlu kamra f’lukanda.

L-akkużat ma riedx jibqa’ jgħix fil-lukanda u kien reġa’ mar mas-sieħha tiegħu, iżda kien jheddidha li jekk isibha ma’ xi ħadd ieħor kien se joqtolhom it-tnejn li huma. Bland Mintoff xehdet li din l-imġiba baqgħet għaddejja sal-24 ta’ Ottubru tal-2016 meta l-akkużat kompla jippersisti li kellha relazzjoni ma’ terzi. 

Bland Mintoff dakinhar kienet telgħet fuq u ppakkjatlu kollox f’bagalja biex jitlaq mid-dar. Popa kien daħal fil-kċina minn fejn ġab sikkina u kien hawn li taha daqqa bl-istess sikkina f’sidirha bil-konsegwenza li hija spiċċat mal-art. L-għajat tal-vittma ġibed l-attenzjoni ta’ binha Daniel Mainwaring li qasam il-ġnien ta’ wara u daħal fid-dar t’ommu.

Fix-xhieda tiegħu, Daniel Mainwaring jgħid li l-akkużat ħebb għalih bis-sikkina u tah żewġ daqqiet biha. Huma kienu ttieħdu minn xi qraba lejn il-polyclinic fejn ġew riferuti l-Isptar Mater Dei.

Sakemm sar rapport lill-pulizija u l-istess uffiċjali marru fuq il-post sabu d-dar tal-vittma taqbad u kien għalhekk li kellhom jintervjenu wkoll il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw in-nirien.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-investigaturi kienu nnutaw sikkina taħt siġra tal-prinjol li kienet quddiem id-dar tal-vittma u nnutaw xi qtar tad-demm niżel mis-siġra. Il-Pulizija hekk kif marru biex jaraw dan id-demm minn fejn kien ġej, sabu lill-akkużat fuq is-siġra jinħeba mill-istess pulizija.

L-investigaturi nnutaw li l-akkużat kellu xi ġrieħi u għalhekk kien ittieħed lejn l-Isptar Mater Dei u aktar tard ittieħed lejn Monte Carmeli.

F’dawn il-proċeduri xehdu wkoll il-Prof. Anton Grech fejn qal li l-akkużat ma kienx qiegħed juri sintomi li jista’ jagħmel ħsara lilu nnifsu. Xhud ieħor kien l-espert tal-Qorti Dr Mario Scerri fejn spjega li  l-feriti tal-akkużat kellhom pattern li kienu self-inflicted. 

Jirriżulta li meta l-pulizija kienu qegħdin jipprovaw iniżżlu lil Popa minn fuq is-siġra hu ntelaq biex jaqa’ minn fuq għal isfel.

Fid-dawl ta’ dawn il-provi u oħrajn, l-Imħallef Dr. Neville Camilleri ċaħad l-appell ta’ Popa u kkonferma s-sentenza tal-Ewwel Qorti fejn ġie kkundannat sitt snin ħabs u multa ta’ €12,661.60.

Ekonomija

Sport