Friday, May 3, 2024

Huwa vjaġġ impenjattiv ħafna iżda fl-aħħar mill-aħħar jurik sodisfazzjon kbir

Aqra wkoll

Id-9 ta’ Novembru huwa l-jum li fih infakkru il-Jum Internazzjonali għall-Addozzjoni, jum li permezz tiegħu nirrikonoxxu t-traġitt li jaddu minnu l-partijiet kollha li b’xi mod jew ieħor huma involuti f’din l-esperjenza li timmarka b’mod sinifikanti l-ħajja tat-tfal u l-familji tagħhom. 

Fi stqarrija li ħarġu FSWS qalu li dan il-jum ifakkarna fl-impenn ta’ persuni lejn minuri li għandhom bżonn kura effettiva, mimlija mħabba kbira, f’familji stabbli u siguri. Fuq kollox fit-tfal infushom li jimlew id-djar b’ħafna mħabba u li jkunu qegħdin iroddu lura bla ma jafu lill-kumplament tal-familja.

“Fil-Jum Internazzjonali għall-Addozzjoni, s-servizz tal-Addozzjoni fi ħdan id-Direttorat Kura Alternattiva tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, jesprimi sens ta’ rikonoxximent għall-persuni li qegħdin jidħlu għall-impenn tal-addozzjoni fl-aqwa interess tat-tfal vulnerabbli. Proċess li jinvolvi vjaġġ impenjattiv u li ma jispiċċax mal- wasla tat-tfal fil-familji rispettivi. Fil-fatt is-Servizz tal-Addozzjoni tal-FSWS kontinwament qiegħed jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ġenituri addottivi għandu jkollhom spazju li fih ikunu qed isaħħu l-abbilitajiet rispettivi tagħhom u jkunu iktar mgħarrfa dwar it-trobbija ta’ tfal li jkunu esperjenzaw diversi stejjer ta’ trawmi u realtajiet diffiċli oħrajn. Proċess li huwa essenzjali fl-aqwa interess tal-membri tal-familja kollha,” intqal fl-istqarrija.

Fl-aħħar xhur l-FSWS, kompla jsaħħaħ l-operat tiegħu permezz ta’ interventi mmirati li jsiru wara li l-familji jkunu laqgħu fi ħdanhom it-tfal addottivi. Interventi li l-intenzjoni tagħhom hija li joffru sostenn u spazju li permezz tiegħu l-ġenituri addottivi jkunu qegħdin jirrikonoxxu l-ħidma u l-impenn tagħhom kif ukoll l-iżviluppi kemm kbar u żgħar li l-ulied addottivi jkunu qegħdin isegwu. Traġitt li huwa mportanti li jkun meqjus b’mod kontinwu.

Sport