Friday, November 15, 2024

Sitt xhur priġunerija għal erba’ persuni fuq każijiet differenti

Aqra wkoll

Żewġt irġiel jippruvaw jaħarbu fuq Kontejner tal-Grimaldi; mara Sirjana tasal Malta bl-użu ta’ passaport misruq, waqt li raġel permess tar-residenza mbagħbas

Illum il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, kkundannat lil 4 persuni differenti sentenza ta’ sitt xhur priġunerija effettivi wara li wieġbu ħatja għal numru ta’ akkużi differenti.

Fl-ewwel każ, mara ta’ 34 sena ta’ nazzjonalità Sirjana wieġbet ħatja wara li kienet akkużata li użat passaport Spanjol fuq titjira lejn pajjiżna. Il-mara, Rohalat Omar, kienet qegħda fuq titjira minn Ateni għal Malta fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda, meta l-passaport misruq li kienet qegħda tuża nqabad mis-sistema tas-sigurtà fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Omar, li kienet tinsab emozzjonata waqt is-seduta, kienet megħjuna minn tradittriċi waqt li semgħet id-deliberazzjonijiet kollha.

L-Ispettur Frankie Sammut saħaq li, minħabba ċ-ċirkostanzi turbulenti li għaddej minnu bħalissa l-pajjiż Sirjan, il-mara ma setgħetx tintbagħat lura lejn il-pajjiż fejn twieldet, però li-Qorti setgħet tordna lill-mara biex, wara li tiskonta s-sentenza tagħha, tintbagħat in-Norveġja biex tgħix mar-raġel tagħha, li preżentament jgħix hemmhekk wara li ingħata l-istatus ta’ rifuġjat.

Fid-deliberazzjoni tiegħu, l-Ispettur Samut saħaq kif reati bħal dawn qegħdin jiżdiedu fil-frekwenza tagħhom, u għalhekk ħass li tingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva. Intant, l-avukat difensur Mark Mifsud ikkonferma li ma kien hemm l-ebda prova li l-akkużata għandha kondotta maħmuġa, tant li hija mal-ewwel ammettiet il-ħtija tagħha u talbet il-klemenza.

Minkejja dan, il-Maġistrat ordnat li Omar tingħata sentenza ta’ ħabs kif mitluba mill-prosekuzzjoni.

Intant, Elsadig Abdullah ta’ 23 sena u Yahya Daood ta’ 26 sena, żewġ Sudaniżi residenti ġewwa Ħal Far Tent Village, wieġbu ħatja wara li nstabu moħbija fuq kontejners tal-merkanzija li kien sejjer lejn il-port ta’ Ġenoa, mingħajr passaport. L-Ispettur Frankie Sammut tenna li ż-żewġt irġiel kienu nnutati jidħlu fil-kontejner minn uffiċjali tas-sigurtà tal-kumpanija, u ġew arrestati minn membri tal-Pulizija tad-Distrett li kienu msejħa fuq il-post.

Fl-aħħar każ, Sam Mussa Kajjo ta’ 24 sena mis-Sudan, ukoll ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li huwa nstab bil-pussess ta’ passaport ta’ persuna terza, kif ukoll permess tar-residenza falz. Huwa wkoll kien ikkundannat sitt xhur ħabs.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ippresedat it-tlett każijiet. L-Ispettur Frankie Sammut kien l-Uffiċjal Prosekutur fit-tlett każijiet, filwaqt li Dr Mark Mifsud deher bħala avukat tal-għajnuna legali fil-każijiet kollha.

Ekonomija

Sport