Sunday, December 22, 2024

Sitwazzjoni kritika fl-ajruport ta’ Hamburg… magħluq għal 12-il siegħa

Aqra wkoll

Sitwazzjoni xejn sabiħa li tinvolvi ostaġġi seħħet f’wieħed mill-ajruporti ewlenin tal-Ġerrmanja, eżattament dak ta’ Hamburg. Dan kellu jingħalaq bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd għal 12-il siegħa minħabba każ kritiku li jinvolvi missier u bintu ta’ erba’ snin. Ir-raġel ta’ 35 sena huwa rrapportat li pprova jaħrab bil-minuri f’dak li jidher li hija kwistjoni għall-kustodja tal-istess minuri.

Il-pulizija Ġermaniża kellha tagħlaq l-ajruport wara li r-raġel saq il-karozza tiegħu tat-tip Audi bil-forza f’żona ristretta u pparkja taħt ajruplan minnhom. L-għeluq tal-ajruport dam għal aktar minn 12-il siegħa b’konsegwenza li kellhom jitħassru t-titjiriet. Fl-istess ħin, ebda ajruplan ma ngħata permess jinżel fl-ajruport ta’ Hamburg.

Kelliem għall-istess ajruport qal li minħabba dak li ġara, ġew affetwati 27 titjira li jinvolvu madwar 3,200 passiġġieri. Il-pulizija ma kkonfermatx rapporti inizjali li r-raġel kien armat, li spara darbtejn u li tefa’ fliexken mixgħula bin-nar mill-vettura tiegħu. Però, filmati mill-ajruport urew uffiċjali tas-servizzi tal-emerġenza jikkontrollaw żewġ nirien żgħar.

Il-passiġġieri kollha ġew evakwati mill-ajruport u hemm rapporti ta’ ħidma biex jitneħħew dawk li kienu diġà abbord ta’ ajruplan fil-ħin li seħħ il-każ. Il-pulizija federali qalet li mart ir-raġel ta’ 35 sena ċemplet qabel biex tavża b’possibbiltà ta’ ħtif ta’ minuri.

Dan qabel ma ġie kkonfermat li tifla ta’ erba’ snin kienet ukoll fl-imsemmija vettura. Sal-bieraħ il-pulizja kienu għandhom qegħdin jipprruvaw jinnegozjaw mal-missier.

Ekonomija

Sport