Friday, December 20, 2024

Skambju effettiv ta’ intelliġenza għen fil-qabda rekord ta’ droga fil-Port Ħieles

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-qabda rekord ta’ droga kokaina mid-Dwana fil-Port Ħieles, kienet dovuta għal diversi fatturi. Minbarra t-tagħmir sofistikat ta’ scanning li investiet fih id-Dwana, kien hemm element ieħor li wassal għal din l-akbar qabda ta’ droga – l-iskambju effettiv ta’ intelliġenza ma’ aġenziji ewlenin ta’ infurzar lokali u anke dawk barranin.

Sostna dan id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joseph Chetcuti, f’kummenti li għadda lil dan is-sit b’rabta mal-qabda rekord ta’ 800kg kokaina fl-Port Ħieles aktar kmieni din il-ġimgħa. Id-droga nstabet moħbija f’kontejner ta’ 40 pied li wasal mll-port ta’ Turbo fil-Kolumbja u kien fi triqtu lejn il-port ta’ Mersin, fit-Turkija. 

Il-kontejner, li ntqal li kien qed iġorr 1,200 kaxxa tal-banana, ġie skennjat flimkien ma’ kontejners oħra u kien innutat li kellu ċertu diskrepanzi. L-uffiċjali tad-Dwana, flimkien ma’ membri mll-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga fetħu dan l-kontejner u bdew jispezzjonaw il-kaxxi kollha. Sussegwentement, ġew elevati 800 pakkett ta’ sustanza bajda moħbija f’26 kaxxa li taw indikazzjoni pożittiva għall-kokaina.

Il-pakketti kienu ta’ piż nett ta’ kilogramma kull wieħed u kienu moħbija f’kaxxi tal-frott. Madankollu, id-differenza fid-densità u l-konsistenza ġew innutati immedjatament mill-uffiċjali. 

Din il-qabda kienet meqjusa bħala waħda storika għad-Dwana mhux biss minħabba l-ammont ta’ droga misjuba imma wkoll għall-valur tagħha, li hu stmat li tlaħħaq il-€108.2 miljun.

Fil-kummenti tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dwana qalilna li “fir-rigward ta’ din l-aħħar qabda kbira ta’ droga, flwaqt li ma nista’ qatt, u bl-ebda mod, nissottovaluta sehem it-tagħmir li investejna fih, għax permezz tiegħu nkunu preċiżi ħafna, din id-darba s-sodisfazzjon huwa akbar għaliex kien hemm element ieħor importanti li kkontribwixxa.

“Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin bnejna relazzjoni professjonali tajba ħafna, ibbażata fuq il-fiduċja, ma’ aġenziji ewlenin oħra ta’ infurzar, f’Malta u lil hinn, li jwassal biex ikun hemm skambju effettiv ta’ intelliġenza.  B’tali skambju wieħed ikun jista’ jasal aktar għar-riżultat mixtieq. U dan kien każ fejn l-intelliġenza li kienet qiegħda tinġabar qabel il-wasla tal-kontejner, kienet tant preċiża li ftit kien hemm dubju dwar dak li stajna nsibu,” tenna s-Sur Chetcuti. Huwa spjega wkoll li fis-snin li għaddew kien hemm rotot oħra ta’ droga li kienu jinvolvu pajjiżi Sud-Amerikani, iżda din kienet l-ewwel darba mill-Kolumbja.

Mistoqsi x’investiment se tkun qiegħda tagħmel id-Dwana fiż-żmien li ġej biex tkompli bil-ġlieda tagħha kontra t-traffikar tad-droga, Chetcuti qalilna li “bħalissa d-Dwana għaddejja b’analiżi fuq tagħmir ġdid li hawn fis-suq, liema tagħmir jista’ jikkumplimenta ħafna lit-tagħmir li għandna diġà. Ovvjament tali analiżi hija necessarja biex inkunu ċerti li dik tkun l-aħjar soluzzjoni għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħna.”

Ekonomija

Sport