Skedat il-ġuri ta’ Roderick Cassar ta’ 44 sena akkużat li fit-22 ta’ Novembru ta’ sentejn ilu qatel lil martu Bernice b’tiri ta’ arma tan-nar f’Kordin.
Dan ġie deċiż f’seduta quddiem l-Imħallef Neville Camilleri wara li l-Avukat Marita Pace Dimech li qed tidher għan-nom tal-familja ta’ Bernice Cassar infurmat lill-Qorti, li l-parte civile flimkien mal-prosekuzzjoni jinsabu lesti għal ġuri.
Bernice nqatlet b’żewġ tiri ta’ senter, wieħed f’wiċċha u ieħor f’sidirha wara l-kampus tal-MCAST qrib iż-żona industrijali ta’ Kordin.
Cassar ġie arrestat wara 17-il siegħa ta’ negozjati delikati mill-Pulizija wara li r-raġel beda jhedded lill-uffiċjali li se jneħħi ħajtu bl-istess arma li biha allegatament qatel lil martu.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Angele Vella f’isem l-Avukat Ġenerali. Roderick Cassar qed jidher assistit mill-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi filwaqt li għal familja tal-vittma qed tidher l-Avukat Marita Pace Dimech.