Sunday, December 22, 2024

Skema BCRS: Riċiklati aktar minn 100 miljun kontenitur tax-xorb

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif għaddew ftit aktar minn seba’ xhur mill-introduzzjoni tal-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb (BCRS), tħabbar li l-konsumaturi rriċiklaw aktar minn 100 miljun kontenitur.

Dan it-tragward intlaħaq proprju l-Ġimgħa, meta kien depożitat il-100 miljun kontenitur tax-xorb – li jagħmel minn din l-iskema storja ta’ suċċess għal Malta – li hija wkoll l-unika pajjiż fil-Mediterran li daħħal skema ta’ din ix-xorta.

Matul ix-xahar ta’ Ġunju, l-iskema laħqet rekord ieħor għall-akbar ammont ta’ kontenituri miġbura f’ġurnata waħda, meta l-konsumaturi rritornaw 768,000 flixkun is-Sibt li għadda.

Kelliem għall-kumpanija BCRS Malta qal li: “sa minn Jannar, ir-rata tal-ġbir baqgħet b’mod kostanti fil-livell ta’ 74%. Huwa ta’ sodisfazzjon ninnutaw li l-maġġoranza tan-nies qed iħaddnu din il-prattika ġdida ta’ riċiklaġġ.”

Ta’ kuljum, jinġabru medja ta’ kważi 675,000 kontenitur, li jpoġġi lil Malta fir-rotta biex tilħaq il-mira tagħha li tirkupra 70% tal-kontenituri tax-xorb imqiegħda fis-suq sal-aħħar ta’ din is-sena.

L-iskema, imħaddma minn BCRS Malta, bdiet f’Novembru li għadda, u l-maniġment tal-kumpanija jattribwixxi s-suċċess tagħha għar-rispons li qed ikollhom mingħand in-nies u jadattaw skont iċ-ċirkostanzi.

Fix-xhur li għaddew, BCRS Malta introduċiet ukoll magni ġodda tar-riċiklaġġ li fihom tista’ titfa’ borża bil-kontenituri kollha f’daqqa. Dawn jinsabu f’Ħal Far, Pembroke, il-Mellieħa u fiż-żoni industrijali tal-Marsa u San Ġwann.

Se jkunu installati wkoll żewġ magni oħra bħal dawn fil-jiem li ġejjin fiż-żona industrijali ta’ Bulebel fiż-Żejtun u x-Xewkija, Għawdex. Dan filwaqt li tliet magni oħra qed jistennew il-permessi mill-awtoritajiet u se jkunu installati fil-ġimgħat li ġejjin.

Sadanittant, il-kumpanija qiegħda tikkollabora wkoll mal-organizzaturi ta’ festivals u avvenimenti oħra biex ikunu installati magni temporanji biex ikunu ta’ aktar konvenjenza għall-konsumaturi.

Ir-rispons sa issa kien wieħed inkoraġġanti ħafna bi 18,500 kontentur miġbur waqt il-festival tal-Earth Garden u 14,000 kontenitur ieħor matul il-ġimgħa tal-festa ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Ekonomija

Sport