Monday, May 20, 2024

OceanGate għadha qed tirreklama vjaġġi ta’ $250,000 lejn it-tifrik tat-Titanic

… dan minkejja li ftit tal-jiem ilu ħamsa tilfu ħajjithom li kienu abbord fuq is-sottomarin Titan

Aqra wkoll

Il-websajt uffiċjali ta’ Ocean Gate għadha tirreklama u tagħti informazzjoni dwar vjaġġi li jwasslu sa ħdejn t-Titanic fil-qiegħ tal-oċean Atlantiku f’fond ta’ 3,800 metru. Dan minkejja li aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, ħames irġiel li kienu abbord is-sottomarin Titan tilfu ħajjithom wara implużjoni katastrofika qrib il-fdallijiet tat-Titanic. Nhar il-Ħamis sar magħruf li f’partijiet minn dak li kien fadal tas-sottomarin Titan instabu fdallijiet li huma maħsuba ta’ ġisem uman.

Il-Ħamis li għadda l-OceanGate kienet għadha qed tirreklama dawn it-tip ta’ vjaġġi, liema vjaġġi huma deskritti bħala “vjaġġi intrapidi li jbaħħru mill-kosta Atlantika tal-Kanada għal spedizzjoni ta’ 8 ijiem biex jogħdsu fuq il-fdalijiet ikoniċi li jinsabu 380 mil ‘il barra mill-kosta u 3,800 metru taħt il-wiċċ tal-baħar”.

Il-paġna elettronika telenka wkoll l-esploratur Franċiż rinomat PH Nargeolet, li kien wieħed mill-vittmi abbord it-Titan, bħala espert “li jista’ jingħaqad fl-ispedizzjoni”. B’hekk kollox jindika li fuq il-websajt ma kien hemm l-ebda tibdil minn mindu seħħ dan l-inċident traġiku ‘il hawn.

Il-pulizija Kanadiża qed tikkunsidra jekk il-liġijiet kriminali, federali, jew provinċjali ġewx miksura qabel id-diżastru tas-sottomarin Titan. L-istess pulizija se jkunu qegħdin ukoll jeżaminaw iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-imwiet tal-ħames ekwipaġġi abbord u flimkien ma’ esperti oħra se jiddeċiedu jekk hijiex ġustifikata investigazzjoni sħiħa jew le.

Sport