Thursday, June 18, 2026

Skema Irrestawra Darek: €6.5 miljun għar-reġjun tal-Lvant u miljun ewro addizzjonali għal bini skedat mhux f’UCA

… f’sitt xhur, il-fondi qabżu l-allokazzjonijiet tal-aħħar 30 sena

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard nieda l-iskema Irrestawra Darek għar-Reġjun tal-Lvant b’allokazzjoni ta’ €6.5 miljun flimkien ma’ allokazzjoni addizzjonali ta’ €1 miljun għal binjiet skedati ta’ Grad 1 u Grad 2 li jinsabu barra ż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), bħala parti mill-iskema Irrestawra Darek u l-Villaġġ.

 Il-Ministru Attard irrimarka li filwaqt li matul l-aħħar 30 sena ġew allokati aktar minn €33 miljun għal skemi ta’ restawr, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena biss il-Gvern alloka €32 miljun. Dan ifisser li f’nofs sena biss l-investiment kważi qabeż dak li sar matul tletin sena sħaħ.

“Din l-iskema qed tkompli tgħin lis-sidien ta’ proprjetajiet, negozji u għaqdiet mhux governattivi jinvestu fir-restawr u l-konservazzjoni tal-patrimonju mibni Malti u Għawdxi, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna,” sostna l-Ministru Attard.

Il-Ministru enfasizza li l-iskema mhijiex biss għajnuna finanzjarja, iżda investiment dirett fil-preservazzjoni tal-identità arkitettonika ta’ pajjiżna u fil-ħarsien tal-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Permezz tal-iskema Irrestawra Darek u l-Villaġġ qed ninvestu fil-komunitajiet tagħna, insaħħu l-identità tal-irħula u l-ibliet tagħna, nirrestawraw il-wirt mibni tagħna u nħarsu dak li jagħmel lil Malta u Għawdex speċjali,” sostna Dr Attard.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar id-domanda qawwija u l-fiduċja tal-pubbliku f’din l-inizjattiva b’aktar minn 1,300 sottomissjoni li qed jiġu pproċessati.

Il-Ministru tenna li l-iskema hija parti mill-impenn tal-Gvern lejn żvilupp aktar sostenibbli u responsabbli, f’konformità mal-għanijiet ta’ Viżjoni Malta 2050, li tfittex bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku, il-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni tal-karatteristiċi uniċi ta’ pajjiżna.

Il-Ministru temm jirringrazzja lil dawk kollha li esprimew interess fil-fażijiet preċedenti tal-iskema u dawk li qed ikomplu jagħżlu li jinvestu fil-konservazzjoni tal-patrimonju mibni ta’ pajjiżna sabiex dan il-ġid storiku, kulturali u arkitettoniku jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li “B’dawn il-fondi mhux biss qegħdin nirrestawraw l-faċċati għall-ġid tal-komunitajiet imma qegħdin ngħinu lil dawk in-nies biex isebbħu djarhom, lill-first-time buyers biex ninċentivawhom jidħlu lura fil-qalba tal-irħula tagħna, u qed ngħinu wkoll lis-settur tat-turiżmu billi nżommu l-arkitettura tradizzjonali u l-wirt tanġibbli u intanġibbli ħajjin.”

L-iskema f’dan ir-reġjun tinkludi l-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Tas-Sliema, San Ġiljan, l-Imsida, Ta’ Xbiex, Ħal Lija, Ħal Għargħur u Tal-Pietà. L-applikazzjonijiet huma miftuħin u jagħlqu fil-25 ta’ Ġunju jew kif jiġu eżawriti l-fondi allokati kollha.

 Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi.

 Aktar dettalji dwar meta se jkunu qed jintlaqgħu l-espressjonijiet ta’ interess għall-allokazzjoni addizzjonali li tħabbret illum se jingħataw fil-jiem li ġejjin.

 Aktar informazzjoni dwar din l-iskema tista’ tinkiseb minn https://pa.org.mt/irrestawra-darek-u-lvillagg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport