Minn Cristian Muscat
Meta wieħed jitkellem dwar l-isport Malti li qed jagħmel passi kbar fuq livell internazzjonali, isem Kai Azzopardi hu wieħed minn dawk li diġa’ beda jħalli l-marka tiegħu.
Minkejja l-età żagħżugħa tiegħu, dan it-triatleta Malti diġà kiteb ismu fl-istorja tal-isport lokali permezz ta’ numru ta’ suċċessi li ġibdu l-attenzjoni kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Imwieled fl-2006, Kai beda juri l-potenzjal tiegħu minn età bikrija. Bħala student tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS), huwa rnexxielu jgħaqqad it-taħriġ intensiv mal-istudji tiegħu, filwaqt li kompla jiżviluppa l-ħiliet tiegħu fit-tliet dixxiplini ewlenin tat-triathlon iġifieri l-għawm, iċ-ċikliżmu u l-ġiri.
L-ewwel suċċess internazzjonali sinjifikanti wasal fl-2021 meta rebaħ it-Trumer Super Sprint Triathlon fl-Awstrija, kompetizzjoni li fiha għeleb aktar minn mitt atleta minn diversi pajjiżi. Ftit xhur wara ġie magħżul biex jipparteċipa fil-programm prestiġjuż Pho3nix Futures fl-Iżvizzera, opportunità riservata biss għal numru limitat ta’ talenti promettenti Ewropej.
Fl-2022 kompla jsaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu meta, ta’ 15-il sena biss, sar l-iżgħar atleta maskili fl-istorja ta’ Malta li rebaħ kampjonat multisport nazzjonali meta kiseb it-titlu tad-Duathlon Nazzjonali. Matul dik is-sena rebaħ diversi kampjonati oħra u kiseb ukoll midalja tal-bronż fil-Kampjonati Ewropej tat-Triathlon fi Munich.
Madankollu, wieħed mill-aktar mumenti importanti fil-karriera tiegħu wasal fl-2023 meta rrappreżenta lil Malta fil-Commonwealth Youth Games u spiċċa fir-raba’ post, riżultat li kkonferma l-potenzjal tiegħu fuq livell internazzjonali.
Issa, hekk kif Malta qed tħejji biex tospita l-Commonwealth Youth Games tal-2027, Kai qed jara l-avveniment minn perspettiva differenti.
“Li nikkompeti fil-Commonwealth Youth Games tal-2023 bidilli kompletament il-mod kif nara lili nnifsi bħala atleta,” qal Azzopardi.
“Qabel kont inħares lejn dawn il-kompetizzjonijiet bħala xi ħaġa kbira ħafna u kważi diffiċli biex tintlaħaq. Meta wasalt hemmhekk u rajt l-aqwa atleti żgħażagħ minn madwar il-Commonwealth, indunajt li anke jien nista’ nikkompeti magħhom. Dik l-esperjenza tatni ħafna kunfidenza.”
Huwa jemmen li l-fatt li Malta se tospita l-Logħob fl-2027 jista’ jħalli impatt enormi fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa.
“Din hija opportunità unika. Eluf ta’ żgħażagħ Maltin se jkollhom iċ-ċans jaraw sport ta’ livell għoli minn viċin. Se jaraw x’hemm bżonn biex tasal f’dawn il-livelli u jifhmu li l-ħolma mhijiex impossibbli.”
Skont Azzopardi, il-wirt veru ta’ avveniment bħal dan ma jitkejjilx biss bil-medalji.
“Il-legat ta’ Logħob bħal dan ma jkunx biss fl-atleti li jipparteċipaw. Jinsab ukoll fit-tfal u ż-żgħażagħ li jiġu jaraw il-kompetizzjonijiet u jispiraw ruħhom biex jibdew jipprattikaw sport. Dik hija l-akbar rebħa li jista’ jkollu pajjiż.”
Riċentement, Kai kompla juri l-progress tiegħu meta kiseb riżultat storiku f’Malta. Fil-kompetizzjoni tas-Salini huwa kiser ir-rekord tal-korsa u sar l-ewwel atleta Malti li qatt niżel taħt is-57 minuta fi sprint triathlon.
“Dak kien mument speċjali ħafna għalija. Kont ilni naħdem għalih għal żmien twil. Kienet prova li x-xogħol kollu, it-taħriġ u s-sagrifiċċji qed jagħtu l-frott.”
Naturalment, suċċess bħal dan ma jiġix mingħajr sfidi.
“It-triathlon huwa sport li jitlob ħafna. Trid titħarreġ fi tliet dixxiplini differenti u tfittex bilanċ bejn l-isport, l-istudji u l-ħajja personali. Hemm ġranet diffiċli, iżda meta tara r-riżultati, tkun taf li kien jiswa kollox.”
Kai irodd ħajr lill-kowċis tiegħu, lill-familja u lill-organizzazzjonijiet li appoġġjawh tul il-vjaġġ tiegħu.
“Qatt ma tasal waħdek. Kelli nies li emmnu fija mill-bidu nett u li għenuni nikber kemm bħala atleta kif ukoll bħala persuna. Jiena grat ħafna lejhom.”
Meta mistoqsi dwar il-futur, Azzopardi ma jaħbix l-ambizzjonijiet tiegħu.
“Kull atleta joħlom bl-Olimpjadi. Dak huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħi. Naf li għad hemm ħafna xogħol xi jsir, iżda se nibqa’ naħdem biex inkompli ntejjeb il-livell tiegħi u nirrappreżenta lil Malta bl-aħjar mod possibbli.”
Dwar il-Commonwealth Youth Games tal-2027, huwa jħares lejn l-avveniment b’entużjażmu kbir.
“Meta kont atleta fil-Logħob tal-2023, kont qed ngħix esperjenza li qatt ma ninsa. Issa li Malta se tkun il-pajjiż ospitanti, inħossni kburi ħafna. Se tkun opportunità biex nuru lill-bqija tad-dinja x’jista’ joffri pajjiżna.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-messaġġ tiegħu għaż-żgħażagħ huwa wieħed ċar u pożittiv.
“Qatt tibżgħu toħolmu. Xi kultant taħseb li ċerti affarijiet jistgħu ma jseħħux, iżda jekk taħdem bis-serjetà u tibqa’ temmen fik innifsek, tista’ tasal ħafna aktar milli timmaġina. Jiena prova ta’ dan.”
Bil-kisbiet tiegħu sal-lum u bil-potenzjal li għadu għandu quddiemu, Kai Azzopardi qed ikompli jsaħħaħ postu fost l-aqwa atleti żgħażagħ li qatt ipproduċiet Malta, filwaqt li qed iservi ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjoni ġdida ta’ sportivi li joħolmu li jilħqu l-ogħla livelli internazzjonali.

