Minn Cristian Muscat
M’hemmx dubju li Julian Pace Bonello huwa magħruf bħala wieħed mill-aktar amministraturi sportivi rispettati fil-pajjiż u barra minn xtutna, iżda l-vjaġġ tiegħu beda ħafna snin ilu bħala atleta li kellu passjoni kbira għall-isport.
Matul iż-żgħożija tiegħu kien involut f’diversi dixxiplini sportivi fosthom il-waterpolo, il-volleyball u t-tenpin bowling. Kien proprju fil-bowling fejn irrappreżenta lil Malta bejn l-1976 u l-1978, esperjenza li aktar tard serviet bħala bażi għal karriera twila fl-amministrazzjoni sportiva.
“L-isport għallimni ħafna valuri li għadni ngħix bihom sal-lum,” jgħid Pace Bonello. “Id-dixxiplina, ir-rispett u l-importanza tal-ħidma f’tim huma kollha lezzjonijiet li għenuni kemm bħala atleta kif ukoll bħala amministratur.”
Minn atleta sar amministratur, u maż-żmien tela’ għal wieħed mill-ogħla rwoli fl-isport Malti. Fl-2013 ġie elett President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), kariga li ilu jżomm b’suċċess tul dawn l-aħħar snin, filwaqt li ġie elett mill-ġdid diversi drabi mingħajr oppożizzjoni.
Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Kumitat Olimpiku Malti kompla jinvesti fl-iżvilupp tal-atleti elite Maltin u saħħaħ il-preżenza ta’ Malta fuq il-palk internazzjonali.
“L-għan tagħna dejjem kien li noħolqu opportunitajiet aħjar għall-atleti tagħna. Malta hija pajjiż żgħir, iżda għandna talent enormi. Irridu nagħtu lill-atleti tagħna l-għodod kollha biex jirnexxu.”
Fl-2021 Pace Bonello kiseb rikonoxximent ieħor importanti meta nħatar President tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa (GSSE), filwaqt li aktar tard ġie wkoll elett fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob Mediterranju.
Madankollu, bħalissa wieħed mill-akbar proġetti li qed jokkupa l-ħin tiegħu huwa l-organizzazzjoni tal-Commonwealth Youth Games 2027, li għall-ewwel darba se jsiru f’Malta u Għawdex.
Riċentement Commonwealth Sport Malta żvelat uffiċjalment il-logo u l-identità viżiva tal-Logħob, eżattament 500 jum qabel il-bidu tagħhom.
“Qed niċċelebraw il-bidu ta’ xi ħaġa ġenwinament storika għal Malta,” qal Pace Bonello waqt it-tnedija.
“Dan il-logo mhuwiex biss simbolu viżiv. Huwa dikjarazzjoni ċara tal-ambizzjoni tagħna bħala pajjiż. Irridu nuru lid-dinja li Malta kapaċi tospita avveniment internazzjonali tal-ogħla livell.”
Skont Pace Bonello, il-fatt li Malta se tilqa’ eluf ta’ atleti żgħażagħ minn madwar il-Commonwealth huwa mument ta’ kburija nazzjonali.
“Il-Commonwealth Youth Games se jkun mument definittiv għal ġenerazzjoni sħiħa ta’ atleti Maltin. Ħafna żgħażagħ se jkollhom l-opportunità li jikkompetu quddiem il-familji tagħhom, segwaċi Maltin u jesponu t-talenti sportivi li għandhom. Dik hija esperjenza li ma tintesiex.”
Il-logo l-ġdid ġie maħdum mill-aġenzija kreattiva Maltija Concept Stadium u jinkorpora diversi elementi li jirriflettu l-identità Maltija.
“Ridna li l-logo jirrappreżenta lil Malta. Naraw il-kuluri tal-luzzu, il-ġebla tal-franka, il-baħar Mediterranju u anke l-enerġija tal-festa Maltija. Dawn huma affarijiet li jagħmluna uniċi.”
In-narrattiva uffiċjali tal-Logħob se tkun “Fejn l-Isport Jiltaqa’ mal-Kultura”, messaġġ li Pace Bonello jqis bħala wieħed importanti ħafna.
“L-isport huwa ħafna aktar minn kompetizzjoni. Huwa mezz kif in-nies jiltaqgħu, jitgħallmu minn xulxin u jibnu relazzjonijiet ġodda. Malta għandha storja u kultura rikka ħafna, u rridu naqsmuha mal-bqija tal-Commonwealth.”
Il-Logħob se jsir bejn id-29 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Novembru 2027 u se jinkludi tmien dixxiplini sportivi differenti. Għalkemm għad fadal aktar minn sena, il-preparamenti jinsabu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel.
“Il-ħidma ilha għaddejja għal diversi xhur. Qed naħdmu mill-qrib ma’ diversi entitajiet sabiex niżguraw li kull aspett tal-organizzazzjoni jkun tal-ogħla standard possibbli.”
Pace Bonello jemmen li l-benefiċċji tal-avveniment se jinħassu ferm lil hinn mill-ġimgħa tal-kompetizzjoni nnifisha.
“Il-legat huwa l-aktar aspett importanti. Irridu li l-faċilitajiet sportivi jitjiebu, irridu aktar żgħażagħ jipprattikaw l-isport u rridu li Malta tkompli tikseb reputazzjoni bħala pajjiż li jista’ jospita avvenimenti internazzjonali kbar.”
Meta jitkellem dwar il-futur tal-isport Malti, huwa jidher ottimist.
“Rajna progress kbir f’dawn l-aħħar snin. L-atleti tagħna qed jiksbu riżultati dejjem aħjar fuq livell Ewropew u internazzjonali. Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda permezz ta’ investiment, ippjanar u dedikazzjoni.”
Huwa jemmen ukoll li l-ġenerazzjoni l-ġdida għandha potenzjal enormi.
“Meta nara ż-żgħażagħ Maltin li qed jitħarrġu llum, inħossni kunfidenti ħafna għall-futur. Għandna talent u għandna nies dedikati li qed jaħdmu magħhom kuljum.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Pace Bonello għandu messaġġ ċar għall-komunità sportiva Maltija kollha hekk kif il-ġranet lejn Malta 2027 bdew jersqu.
“Dan mhuwiex biss proġett ta’ organizzazzjoni waħda jew ta’ dixxiplina partikolari. Dan huwa proġett nazzjonali. Irridu naħdmu flimkien sabiex nagħmlu minn dawn il-Logħob suċċess li jibqa’ jissemma għal ħafna snin.”
Bil-ħidma kontinwa tiegħu kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali, Julian Pace Bonello jibqa’ wieħed mill-figuri ewlenin fl-isport Malti, filwaqt li l-ħolma li Malta tospita b’suċċess il-Commonwealth Youth Games 2027 qed tersaq dejjem aktar qrib li ssir realtà.

