Minn Cristian Muscat
Meta wieħed jitkellem dwar tmexxija moderna fl-isport internazzjonali, ftit huma dawk li ħallew impatt daqs Katie Sadleir. L-eks atleta Olimpika u rebbieħa ta’ midalja tal-Commonwealth illum hija l-Kap Eżekuttiv ta’ Commonwealth Sport, organizzazzjoni li tmexxi wieħed mill-akbar movimenti sportivi fid-dinja.
Fl-2021 hija saret l-ewwel mara li qatt inħatret Kap Eżekuttiv ta’ Commonwealth Sport, pass storiku li kkonferma r-reputazzjoni tagħha bħala waħda mill-aktar mexxejja rispettati fl-amministrazzjoni sportiva internazzjonali.
Imwielda fl-Iskozja, trabbiet fil-Kanada u aktar tard stabbilixiet ruħha fi New Zealand, Sadleir għandha storja sportiva impressjonanti. Hija rrappreżentat lil New Zealand fl-Olimpjadi ta’ Los Angeles tal-1984 fl-għawm sinkronizzat u sentejn wara rebħet il-midalja tal-bronż fil-Logħob tal-Commonwealth ta’ Edinburgh. Dan is-sit ħadilha l-kummenti hekk kif kienet f’Malta sabiex tieħu sehem f’konferenza stampa 500 jum qabel il-bidu tal-logħob li se jsir f’Malta.
“L-esperjenzi tiegħi bħala atleta għenuni nifhem aħjar x’jgħaddu minnu ż-żgħażagħ li jikkompetu fuq l-ogħla livelli. Għalhekk illum inħoss responsabbiltà kbira li noħolqu opportunitajiet għalihom,” tgħid Sadleir.
Wara li temmet il-karriera kompetittiva tagħha, hija għaddiet għall-amministrazzjoni sportiva fejn kellha rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-sistema sportiv fi New Zealand. Aktar tard ingħaqdet ma’ World Rugby fejn mexxiet trasformazzjoni kbira fil-logħba tan-nisa, billi żiedet il-parteċipazzjoni globali u saħħet l-ugwaljanza fi ħdan l-organizzazzjoni.
Illum il-ħidma tagħha hija ffukata fuq il-futur tal-moviment tal-Commonwealth u fuq kif l-isport jista’ jkompli jgħaqqad komunitajiet differenti.
F’dawn l-aħħar jiem Sadleir kienet fost il-protagonisti tat-tnedija uffiċjali tal-logo u l-identità viżiva tal-Commonwealth Youth Games Malta 2027, avveniment li sar eżattament 500 jum qabel il-bidu tal-Logħob.
“Il-Commonwealth Youth Games jeżistu biex jagħtu lill-ġenerazzjoni li jmiss l-ewwel palk kbir tagħha u eventwalment l-importanza meħtieġa. Malta 2027 qed tieħu forma li se tkun waħda mill-aktar edizzjonijiet konvinċenti li rajna s’issa,” qalet.
Skont Sadleir, Malta għandha kwalitajiet uniċi li jagħmluha pajjiż ospitu ideali għal avveniment ta’ dan il-kalibru.
“L-identità li ġiet żvelata tirrifletti dak kollu li jagħmel lil Malta speċjali. Hemm sens qawwi ta’ appartenenza, passjoni għan-nies u kultura li tifhem li l-isport huwa ħafna aktar minn sempliċement riżultat fuq bord elettroniku.”
Il-logo uffiċjali, maħdum mill-aġenzija Maltija Concept Stadium, huwa mibni fuq diversi elementi li jirrappreżentaw il-karattru Malti. Il-ġebla tal-franka, il-luzzu tradizzjonali, il-festa u l-baħar Mediterranju huma kollha riflessi fid-disinn il-ġdid.
“L-identità viżiva għandha rwol importanti ħafna. Hija l-ewwel ħaġa li n-nies jaraw u trid tgħid storja. F’dan il-każ qed tirrakkonta storja ta’ żgħażagħ, ta’ kultura u ta’ ambizzjoni,” tispjega Sadleir.
Il-Logħob tal-Commonwealth għaż-Żgħażagħ se jsir f’Malta u Għawdex bejn id-29 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Novembru 2027 u mistenni jilqa’ eluf ta’ atleti, uffiċjali u viżitaturi minn madwar il-Commonwealth.
Sadlier tqis il-Logħob bħala opportunità li tista’ tħalli impatt fit-tul fuq il-pajjiż ospitanti.
“Meta nitkellmu dwar il-legat, mhux qed nirreferu biss għall-faċilitajiet jew għall-infrastruttura. Qed nitkellmu dwar l-ispirazzjoni li jingħataw iż-żgħażagħ. Qed nitkellmu dwar tfal li jmorru jaraw kompetizzjoni u jiddeċiedu li jibdew jipprattikaw sport.”
Hija temmen li l-avveniment jista’ jkun katalist għal aktar involviment taż-żgħażagħ fl-isport.
“Meta żagħżugħ jara atleta tal-età tiegħu jikkompeti fuq livell internazzjonali, il-ħolma ssir aktar reali. F’daqqa waħda jifhem li anke hu jista’ jasal hemm.”
Matul il-karriera tagħha Sadleir dejjem kienet promotriċi qawwija tal-inklużjoni u l-ugwaljanza fl-isport. Dan huwa rifless ukoll fil-viżjoni ta’ Malta 2027.
“L-inklużjoni mhijiex għażla; hija essenzjali. Irridu li kull atleta jħossu milqugħ u apprezzat. Dan japplika kemm għall-irġiel u n-nisa kif ukoll għall-para-atleti u għal persuni minn sfondi differenti.”
Meta mistoqsija dwar l-isfidi li jaffaċċja l-moviment tal-Commonwealth illum, Sadleir tenfasizza l-importanza tas-sostenibbiltà.
“Irridu niżguraw li l-avvenimenti sportivi jibqgħu sostenibbli finanzjarjament u relevanti għaż-żgħażagħ tal-lum. L-isport qed jinbidel u aħna rridu nibqgħu nimxu maż-żmien.”
Din il-viżjoni kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex Sadleir kisbet rispett kbir fuq livell internazzjonali. Fost l-unuri li rċeviet hemm il-Lifetime Achievement Award ta’ Sport New Zealand u l-ħatra bħala Companion of the New Zealand Order of Merit (CNZM), wieħed mill-ogħla unuri fil-pajjiż.
Madankollu, minkejja l-karriera prestiġġjuża tagħha, hija tibqa’ ffukata fuq il-futur.
“L-aktar ħaġa li timmotivani hija li nara l-ġenerazzjoni li jmiss tikber u tirnexxi. Jekk nistgħu nagħtu opportunità lil xi atleta żagħżugħ biex jilħaq il-potenzjal tiegħu, inkunu għamilna xogħolna.”
U hekk kif il-ġranet qabel Malta 2027 ikomplu resqin, Katie Sadleir hija konvinta li l-gżejjer Maltin se jkunu l-palk perfett għal ġenerazzjoni ġdida ta’ stilel sportivi.
“Aħna kburin li qed naħdmu ma’ Commonwealth Sport Malta biex noħolqu esperjenza li dawn iż-żgħażagħ se jiftakru għal ħajjithom kollha. Nemmen li Malta se tagħmel xogħol eċċellenti u se turi lill-bqija tal-Commonwealth dak kollu li tista’ toffri.”

