Sunday, May 19, 2024

Skema ta’ għajnuna finanzjarja għal santwarji u għaqdiet tal-annimali

Aqra wkoll

Skema ġdida bl-isem ta’ Animal Welfare Fund, b’investiment ta’ €85,000 mill-Gvern, se tipprovdi għajnuna finanzjarja lil santwarji u għaqdiet volontarji jew non-governattivi li jieħdu ħsieb l-annimali. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Permezz tat-tnedija tal-Animal Welfare Fund, qed titwettaq wegħda elettorali, fejn se jingħata appoġġ lil dawk l-għaqdiet u s-santwarji li jipprovdu servizzi lill-annimali, bil-għan li tinħoloq aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-annimali domestiċi fil-komunità u jiġu mħarsa aktar id-drittijiet tal-annimali f’pajjiżna.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq kif permezz ta’ din l-iskema l-Gvern qed ikompli jżomm kelmtu u jwettaq wegħda elettorali oħra. “Dak li qed naraw illum ikompli jibni fuq il-ħidma li diġà għamilna f’dan il-qasam, b’dawk riċenti jkunu l-ftuħ mill-ġdid tal-Isptar tal-Annimali fejn anke ħabbarna li mis-sena akkademika li jmiss se nkunu qed nibdew il-kors tal-veterinarji f’pajjiżna. Dan jimxi id f’id mal-ħidma li diġà wettaqna fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali permezz ta’ għadd ta’ miżuri li twettqu fl-aħħar ġimgħat, xhur u snin sabiex inkomplu nservu ta’ spalla għas-settur.”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li skemi bħal dawn huma importanti ferm għaliex joffru appoġġ lis-santwarji u l-għaqdiet tal-annimali. “Il-Gvern qiegħed jagħraf din il-ħidma favur il-ħarsien xieraq u d-drittijiet tal-annimali li qegħdin iwettqu l-għaqdiet volontarji u s-santwarji. Mingħajr il-ħidma tagħhom, żgur li ma nistgħux nilħqu n-numru ta’ annimali li qegħdin nilħqu bħalissa. Din l-iskema se tgħin lil dawn l-għaqdiet u santwarji jkomplu joffru s-servizz li qegħdin jagħtu, filwaqt li jtaffilhom ftit mill-ispejjeż tagħhom.”

Id-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Joseph John Vella spjega x’inhuma l-kriterji li bihom wieħed jista’ japplika għal dawn il-fondi u kif se jkunu mqassma l-fondi skont it-tliet prijoritajiet, li huma: l-edukazzjoni u t-tagħrif, spiża medika, u l-allokazzjoni tal-annimali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport