Saturday, May 18, 2024

INVESTIMENT LI JOĦLOQ MIJIET TA’ IMPJIEGI TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

Is-settur tal-iGaming qiegħed ikompli jikber u jespandi f’pajjiżna. B’riżultat ta’ din l-espansjoni tas-settur f’Malta, il-Gvern qed ikompli jara li jisfrutta l-potenzjal sħiħ li qiegħda toffri dan il-qasam bil-għan li jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema f’pajjiżna li jissarrfu f’karrieri anke għall-Maltin.

L-aħħar minn dan l-investiment dirett barrani tħabbar f’dawn l-aħħar jiem mill-Ministru għall- Ekonomija Silvio Schembri, li mistenni joħloq mijiet ta’ impjiegi ġodda. Ir- reputazzjoni ta’ Malta jidher li qed tkompli tissaħħaħ tant li studio li kien se jiftaħ f’pajjiż tal-UE, issa se jiftaħ Malta u mistenni li joħloq 700 impjieg ġdid f’din l-industrija.

Dan għandu għaliex iqawwi qalb dawk l-istudenti li bħala karriera għażlu t-teknoloġija. Dan se jkompli jiftaħ bibien ġodda li jidher li se jkompli jattira aktar investiment dirett ta’ din ix-xorta lejn pajjiżna.

Dan kollu jġib fix-xejn il-kritika li kienet qed issir illi l-kumpaniji speċjalment dawk tal-iGaming kienu ftit ftit qed iħallu lil pajjiżna u jirrilokaw f’pajjiż ieħor. It- tħabbira ta’ dan l-investiment ġdid ixxejjen għalkollox din il-kritika.

Għandna għax nifhmu li t-tibdil leġiżlattiv li kien qed isir fuq livell dinji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwardja t-tassazzjoni, kien se jwassal lil din il-kumpanija partikolari li tagħlaq xi dipartimenti li kellha f’pajjiżna. Madankollu, dan ma seħħx bl-intervent tal-Gvern illi jagħmel it-tibdil li kien meħtieġ li kkonvinċa lil din il-kumpanija mhux biss tibqa’ topera f’pajjiżna imma wkoll tkabbar l-investiment tagħha.

Għalkemm pajjiżna għandu għax jifraħ b’dan l-investiment, madankollu l-ġejjieni qed juri li se jkun hemm investiment ġdid ieħor, li skont il- Ministru tal-Ekonomija mistenni jitħabbar fil-jiem li ġejjin. B’hekk Malta se tibqa’ tkun fuq il-mappa fejn jidħol investiment fil-qasam tat-teknoloġija.

Dan meta jitqies li l-kompetizzjoni f’dan il-qasam hija waħda ħarxa, partikolarment fost il-pajjiżi tal-Ewropa.

Għalhekk nemmnu li l-Università għandha tkompli tagħti spinta akbar lil dan il-qasam biex aktar Maltin jibdew jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn dan is-settur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport