Saturday, December 21, 2024

Skema ta’ għajnuna finanzjarja lis-sajjieda minħabba l-pandemija tal-COVID-19

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, waqt konferenza tal-aħbarijiet, ħabbar li din hija t-tieni sena konsekuttiva li fiha l-gvern flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali se jkun qiegħed jgħin lis-settur tas-sajd permezz ta’ fondi nazzjonali.

Permezz ta’ din l-iskema, is-sajjieda li kellhom bastimenti rreġistrati fl-2020 bħala MFA u MFB mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn sa massimu ta’ €5,000 fi flus lura biex jiġu kkumpensati parti mit-telf li l-pandemija ġabet magħha.

F’din l-iskema ta’ għajnuna mistenni li jkun hemm mas-661 sajjied u sajjieda eliġibbli. Barra minn hekk, din l-iskema qiegħda tiġi implimentata bl-għan li jittaffa l-piż żejjed u l-impatt negattiv li kellha l-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impenn u l-ħidma tant essenzjali tas-sajjieda.

Il-Ministru Anton Refalo sostna li, “Għaldaqstant il-gvern ħass li kellu jintervjeni billi joffri għajnuna lis-sajjieda kollha. Permezz ta’ allokazzjoni ta’ €800,000 mill-Fondi Nazzjonali, din l-iskema ta’ kumpens ġiet imfassla biex tipprovdi għajnuna lis-sajjieda ta’ bastimenti rreġistrati bħala MFA u MFB. L-applikazzjoni ntbagħtet bil-posta lis-sajjieda kollha Għawdxin u Maltin. Dawn ser ikunu jikkonċernaw skemi tal-pagamenti diretti, b’għajnuna bbażata prinċipalment fuq it-telf finanzjarju li s-sajjieda ġarrbu fuq il-bejgħ tal-ħut matul is-sena 2020.”

Is-sajjieda kollha li huma eliġibbli għandhom jirċievu kopja tal-formola tal-applikazzjoni bil-posta fil-ġranet li ġejjin. Wieħed jista’ wkoll iniżżel il-formola tal-applikazzjoni mill-paġna online tal-ministeru u tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Il-formoli tal-applikazzjoni għandhom jintbagħtu bil-posta u jiġu indirizzati lil ‘Projects Unit’ fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura sas-26 ta’ Novembru 2021. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu bil-posta f’diversi uffiċini tal-ħatt madwar Malta u Għawdex sad-data indikata. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel lid-dipartiment fuq 2292 6859/31.

Ekonomija

Sport